Filmat: “Tfal oħra jilagħbu l-futbol u noli, u jien ġewwa” – Antonio

Antonio Flores, żagħżugħ li għadda minn amputazzjoni f’saqajh spjega li meta kien żgħir, filwaqt li tfal oħrajn kienu jilagħbu l-futbol u noli, hu kien ikollu joqgħod ġewwa.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Flores irrakkonta l-problemi li kellu b’siqu meta kien iżgħar, kif wasal għad-deċiżjoni dwar l-amputazzjoni, u kif ħajtu nbidlet wara l-operazzjoni.

Jitwieled b’diformità f’siqu

Antonio rrakkonta kif kellu diformità f’siqu mit-twelid. Qal li din id-diformità kienet twaqqfu milli jipparteċipa f’ħafna attivitajiet f’ħajtu, inkluż sport. Spejga li spiċċa għadda minn diversi operazzjonijiet li kienu jżommuh lura milli jkun attiv u b’hekk kienet tkun diffiċli għalih li jintegra. Meta mbagħad kien Form 3, kien hemm tellieqa fil-klassi u kien ġie t-tielet jew ir-raba post. Minn hemm qal li nibtet fih il-mentalità li minkejja d-diżabilità, xorta jista’ jipparteċipa fl-isport u jikseb riżultati sodisfaċenti. Minn hemm fittex klabb tal-atletika li wasslu sabiex jibda jiprogressa fl-isport.

Hu kompla billi spjega li hu kien jiġri qabel ma għamel l-amputazzjoni. Spjega li ta’ 14-il sena kien beda l-atletika, ta’ 18-il sena skopra bil-paralumpic games u beda jikkompeti hemm. Hu baqa jipprattika sakemm fl-2010 beda ġej ħafna uġigħ li wasslu sabiex lanqas ikun jista’ jiġri. Qal li kien hawn li ħa d-deċiżjoni li jagħmel l-amputazzjoni. “Iddeċidejt li ladarba sieqi mhux qed isservini aħjar neliminaha u nġib sieq li tista’ tgħinni,” qal Antonio.

Darren Zammit Lupi

“Diffiċli nispjega f’sentenza waħda kif inbidlet ħajti”

Filwaqt li sostna li hija diffiċli jgħid f’senenza waħdu kif inbidlet ħajtu wara l-amputazzjonu, Antonia qal li kellu jerġa’ jibda mill-bidu. Kellu jerġa’ jitgħallem jimxi u wara jiġri. Qal li l-ewwel sfida li affaċċja wara l-operazzjoni kien il-phantom pain. Dan huwa uġigħ fis-sieq li m’għandhiex hemm, uġigħ li huwa reali. Qal li minkejja li s-sieq ma tkunx għada hemm, wieħed jibda jħoss uġigħ fis-swaba jew partijiet oħrajn.

Irrakkonta kif kien hemm mumenti fejn esperjenza dan l-uġigħ li kienu diffiċli ħafna. Kien jipprova jorqod u ma jirnexxilux. Qal li dan l-uġigħ jista’ anke jwassal persuna għal dipressjoni. Qal li hu esperjenza dan l-uġigħ għal madwar xahar, iżda maż-żmien naqas ħafna. Minkejja li dan ma telaqx għal kollox.

X’jaħseb dwar persuni li jitrattawh differenti?

Mistoqsi x’jaħseb dwar persuni li jitrattawh differenti, Antonio qal li din hija xi ħaġa li tinnervjah xi ftit. Qal iżda li hemm persuni li jitrattawk differenti għax iridulek il-ġid mhux neċessarjament għax jarawk bħala “jaħasra”. Qal l-agħar huwa meta xi ħadd jitrattak differenti għax iħossu li minħabba d-diżabilità tiegħek, inti m’għandekx valur. Qal li din hija xi ħaġa li ma jissaportix.

Magħżul għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Antonio huwa wieħed mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Mistoqsi xi jfisser għalih li ntgħażel biex ikun parti minn dan il-proġett, Antonio qal li huwa unur kbir għax jieħu gost li qed jiġi rikonoxxut li qed jagħmel xi ħaġa ta’ ġid. Qal li l-għan tiegħu huwa li juri li kulħadd għandu l-abbiltà li jgħix ħajja normali, anke persuni li għandhom diżabilità. “In-normalità tal-ħajja hi li kulħadd huwa differenti,” temm jgħid Antonio.

Filmat: Miguela Xuereb