Filmat: Tfal jagħtu l-ħajja lil storja permezz tal-midja

Għadd ta’ tfal li ġejjin minn familji milquta minn sitwazzjonijiet diffiċli ngħataw l-opportunità li jesprimu l-kreattività tagħhom billi joħolqu storja imbagħad jagħtuha l-ħajja.

Dan spjegah Mark Calleja minn Karl Vella Foundation waqt li kien qed jispjega l-proġett Bringing Ceativity to Life. Calleja qal li l-Fondazzjoni tipprovdi appoġġ edukattiv u psikoloġiku għal tfal permezz ta’ voluntiera.

Il-Fondazzjoni din is-sena qed taħdem mal-Media for Development Foundation fuq proġett li beda f’Novembru li għadda fejn it-tfal qed jitgħallmu jagħmlu użu minn midja differenti bħall-fotografija u l-filming. Permezz ta’ dan it-taħriġ it-tfal jiġu inkoraġġuti jagħtu l-ħajja lill-ħiliet tagħhom.

“Ġieli minħabba l-mard fil-familja, it-tfal ma jkunux jafu jesprimu ruħhom”

Calleja spjega li dan il-proġett għandu għan ieħor, li huwa li jgħin tfal jiżviluppaw kemm il-personalità u anke l-psikoloġija tagħhom. Fl-istess waqt il-professjonisti jevalwaw dak li jkun għaddej.

Spjega kif fil-bidu għenu t-tfal jibnu storja fi tliet gruppi, imbagħad taw il-ħajja lill-istorja tagħhom fejn immaġinaw u ħolqu l-karattri. Minn hemm it-tfal imbagħad għaqdu t-tliet stejjer flimkien. Camilleri sostna li permezz ta’ dan l-eżerċizzju, it-tfal qed jindunaw li minn sempliċi idea li kellhom, jiżviluppawha u jagħmluha ħajja.

10 itfal jibnu storja bil-pupazzi, kalzetti u buttuni