Filmat: “Tfal fl-iskejjel għadhom bla ilma”

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jiltaqa’ mad-Direttur tal-Uffiċċju Missjunarju, Mons. Salvinu Micallef. Jitkellem miegħu dwar it-tifsira tal-jum dinji ddedikat lill-missjoni, iċċelebrat illum, u r-rabta lokali mal-artijiet tal-missjoni fejn hemm mas-700 missjunarju Malti. Jispjega l-ġbir tal-flus fl-envelops li jitqassmu u jinġabru dar dar u modi oħra kif wieħed jgħin, speċjalment permezz tat-talb u l-volontarjat. Mons. Micallef jgħid li din is-sena ħafna flus minn dawk miġbura se jmorru għal proġetti li jwasslu l-ilma fl-iskejjel fil-Madagascar u postijiet oħra li għadhom mingħajr provista ta’ din il-ħtieġa bażika.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-ġurnata missjunarja madwar id-dinja llum, f’Malta qed jiġu organizzati diversi attivitajiet li bdew biċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fil-knisja Ta’ Mlit fil-Mosta u animazzjoni speċjali għat-tfal waqt il-quddies fil-parroċċa tal-istess lokalità. Intant, bejn l-10am u s-7pm fuq iz-zuntier tal-Knisja tal-Mosta hemm attivitajiet għall-familja kollha. Qed jintlaqgħu ukoll għotjiet ta’ demm.