Filmat: Tender biex titranġa l-ħsara fix-Xatt l-Aħmar

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħarġet tender biex titranġa l-ħsara li hemm fl-iżblokk tal-kanna tad-drenaġġ li tinżel 80 metru taħt il-livell tal-ilma u toħroġ 140 metru ‘l barra mill-kosta tax-Xatt l-Aħmar.
Fl-aħħar snin, għadd ta’ persuni fosthom għaddasa li jinżlu mix-Xatt l-Aħmar irrappurtaw li kien qed ifur id-drenaġġ.
Il-Partit Demokratiku din il-ġimgħa talab biex tittieħed azzjoni immedjata.
Fi stqarrija, il-Korporazzjoni qalet li l-kanna tad-drenaġġ ġiet installata għoxrin sena ilu u fl-aħħar snin, l-aħħar 38 metru tagħha ġiet ibblukkata u għaldaqstant trid tinbidel.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett se jinkludi tliet elementi li huma l-istudju preliminari, it-tneħħija tal-kanna li hi bblukkata u l-fabrikazzjoni, t-trasportazzjoni u l-installazzjoni tal-kanna l-ġdida.
Il-Korporazzjoni appellat biex il-pubbliku juża’ b’mod għaqli s-sistemi tad-drenaġġ.
Filmat: Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma