Filmat: Telqa u abbandun f’Selmun

Minkejja l-baħar sabiħ li nsibu f’Selmun, il-bajja magħrufa bħala “Il-Blata”, li tinsab wara l-Gżejjer ta' San Pawl, ilha għal dawn l-aħħar snin fi stat ta’ abbandun u jidher li din se tibqa’ hekk minħabba li skont is-Sindku preżenti tal-Mellieħa, “il-post hu inaċċessibbli”.

Newsbook.com.mt mar f’din il-bajja, li tinsab taħt il-Forti Campell, jew inkella taħt il-barracks ta’ żmien l-Ingliżi.  Hi evidenti t-telqa li jinsabu fiha l-kmamar li jinsabu mal-baħar u li kienu nbnew qabel it-Tieni Gwerra Dinija bil-għan li jservu ta’ protezzjoni minn attakki mill-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa.

It-tliet ikmamar li żorna jidhru biċ-ċar li huma kkundannati.  Kamra minnhom, li tinsab fuq għolja, minn ħin għall-ieħor tista’ tiġġarraf hekk kif is-saqaf qed jistrieħ fuq il-parti ta’ quddiem u l-art hi maqlugħa.

Kamra oħra għandha l-konsenturi kollha tal-ħitan miftuħin beraħ u anke ħafna toqob kbar fil-ħitan, li jagħmluha mhux stabbli. Biex tinżel għal din il-kamra, suppost trid tinżel minn taraġ li m’għandux tmiem.  Dan għaliex it-turġien huma mwaqqa’ u ma tistax tasal sa ħdejn il-bajja u l-kamra.

Fl-ebda żona ta’ din il-bajja mhemm imwaħħla tabelli ta’ periklu jew inkella xi tip ta’ prewkazjonijiet oħra.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar għaliex din il-bajja qiegħda f’dan l-istat ta’ abbandun, is-Sindku tal-Mellieħa John Buttigieg qal li “l-bajja qatt ma tnaddfet u huwa impossibbli li l-ħaddiema jinżlu hemm isfel biex inaddfu”.

Imma meta Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-eks sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar, dan tana tweġiba differenti.

Cutajar qal li meta kien sindku hu bejn l-2008 u l-2013, il-bajja kienet titnaddaf minn tal-inqas darba fis-sena.

Peress ukoll li huwa llegali li fil-bajjiet ta’ “Il-Blata” u “l-Imġiebah” jintramaw karavans u kampijiet u jsiru barbeques, “il-Kunsill tal-Mellieħa kien iħallas lill-gwardjani lokali u lill-pulizija biex fi tmiem il-ġimgħa jagħmlu ronda u jiċċekkjaw li mhemm ħadd jikser il-liġi” temm jgħid Robert Cutajar.

 

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.