Filmat: Tażżarda tmur l-Università bil-piġama?

Mhux kulħadd kapaċi li jipprova, jew aħjar jażżarda jagħmel affarijiet ġodda f’ħajtu. Iżda mbagħad hawn min, li kif jgħid il-Malti, jikolha bil-ħobż xi avventura ġdida.
Studenti tal-kommunikazzjoni fl-Università ta’ Malta, li jinsabu fit-tielet sena tal-istudji tagħhom, qed jaħdmu fuq rivista li se tiġbor fiha avventuri li daħlu għalihom diversi persuni, min artisti sa politiċi.
Kienu l-istudenti stess li ħarġu bl-idea li jaħdmu fuq dan ir-rivista bil-għan li jagħtu vuċi lil dawk l-individwi li “ażżardaw joħroġu l-barra mis-sistema.” Fil-fatt “Dare” huwa l-isem ta’ din ir-rivista
Ir-rivista se tkun qed tiffoka l-aktar fuq stejjer umani ta’ persuni li ppruvaw jagħmlu xi ħaġa differenti f’ħajjithom.
Iżda dan ma kienx biżżejjed, għax l-istudenti stess iddeċidew li anke huma stess jagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu. Fost l-oħrajn studenta partikolari ddeċidiet li tmur ġurnata sħiħa l-Università bil-piġama u ieħor qabeż jgħum fil-baħar iffriżat ta’ Frar.
L-istudenti, bl-għajnuna tal-lettur tagħhom Malcomn Bonello, inqasmu fi gruppi biex jaħdmu fuq din ir-rivista mill-bidu sal-aħħar. Għalhekk min qed jieħu ħsieb il-promozzjoni, min il-kommunikazzjoni fuq il-midja soċjali, min qed jieħu ħsieb jikteb l-artikli u jintervista lin-nies u saħansitra d-disinn tar-rivista huwa f’idejhom.
Ir-rivista se tkun qed tiġi ppublikata fit-12 ta’ Mejju u dawk kollha li se jkunu l-Università dakinhar se jingħataw kopja b’xejn.
Għal aktar informazzjoni u biex issegwi aktar filmati żur il-paġna ta’ Facebook.