Filmat: Tas-Sliema lura għan-‘normalità’

Social distancing live from Sliema…0606 2245hrs

Posted by Gerald Fenech Covid19 news updates on Saturday, June 6, 2020

Hekk kif il-Gvern qal li jixtieq jara li l-poplu jgawdi s-sajf u n-numru ta’ każi tal-coronavirus fil-pajjiż tbaxxew sostanzjalment, għexieren ta’ persuni ħarġu sabiex iqattgħu s-Sibt filgħaxija b’mod “normali” f’Tas-Sliema u postijiet oħrajn madwar Malta u Għawdex.

Propju minn nhar il-Ġimgħa li għaddiet, il-bqija tan-negozji Maltin ingħataw iċ-ċans li jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku. Dan il-pass ra għexieren ta’ persuni li reġgħu bdew jimlew it-toroq, l-imwejjed u jagħtu ħajja ġdida lin-negozji fil-pajjiż.

Jidħol iżda tħassib jekk il-pubbliku aktar kemm jgħaddi ż-żmien, hux se jkun qed jinsa li l-coronavirus għadu realtà fil-pajjiż u miżuri bħall-ħasil frekwenti tal-idejn u d-distanza soċjali jispiċċaw f’riskju li jintesew u ma jibqgħux prattika komuni.

Skont filmat ippubblikat fuq Facebook, grupp kbir ta’ persuni jidhru li ltaqgħu fuq bankina f’Tas-Sliema. Il-filmat juri li prattikament lanqas kien hemm minn fejn tgħaddi persuna li setgħet kienet miexja fuq l-istess bankina. S’issa, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci, tat il-permess li l-pubbliku jiltaqa’ fi gruppi sa mhux aktar minn 75 persuna. Sal-ġimgħa li għaddiet, il-pubbliku ma setgħax jiltaqa’ fi gruppi ta’ aktar minn sitt persuni, u jekk kien jinqabad jagħmel dan, kien jeħel multa.

Xi jgħidu l-linjigwida tas-Saħħa Pubblika fil-bars, clubs u stabbilimenti simili?

Il-linjigwida maħruġa għall-bars, clubs u stabbilimenti simili għandhom diversi spunti li l-istabbilimenti jridu jsegwu kemm b’mod mandatorju jew b’suġġeriment. Dan sabiex jissalvagwardjaw kemm lill-impjegati, kif ukoll lill-klijenti milli jimordu.

Kundizzjonijiet mandatorji:

  • Tkeċċija ta’ kull persuna li viżibilment tidher ma tiflaħx jew għandha problemi respiratorji inkluż sogħla, deni, qtugħ ta’ nifs, imnieħer iqattar jew uġigħ fil-griżmejn.
  • Kemm l-istaff kif ukoll il-klijenti ma jistgħux ikunu aktar mill-ekwivalenti għal persuna kull sitt metri kwadri.
  • Il-massimu ta’ persuni li jistgħu jaċċessaw l-istabbiliment fl-istess waqt ma jistax jaqbeż il-75 persuna.
  • Bars, clubs u stabbilimenti simili jistgħu joperaw fuq bażi ta’ mwejjed li wieħed jista’ jpoġġi magħhom jew joqgħod bilwieqfa madwarhom. Ma jistax ikun hemm aktar minn sitt persuni ma’ kull mejda
  • L-ordnijiet iridu jittieħdu mal-mejda.
  • Id-distanza bejn l-imwejjed trid tkun ta’ żewġ metri f’kull direzzjoni fi stabbilimenti fuq barra u tliet metri fi stabbilimenti fuq ġewwa.
  • L-istaff irid ikun liebes maskri jew visors il-ħin kollu.
  • L-istabbilimenti jridu jużaw sinjali li jfakkru lill-pubbliku dwar id-distanza soċjali.
  • Irid ikun hemm hand sanitizers mal-bibien.
  • Iridu jitpoġġew xi tip ta’ barriers tal-ħġieġ jew plastic madwar ir-reception, il-counter u ż-żoni fejn ikun hemm DJs jew kantanti/bands.
  • Il-mużika trid tinżamm baxxa biex il-klijenti jkunu jistgħu jitkellmu ma’ xulxin mingħajr il-bżonn li jersqu wisq viċin.
  • Kulħadd irid ikollu platt għalih, ma jistax ikun hemm qsim tal-ikel.
  • Pitchers b’aktar minn straw waħda mhux permessi.
  • Wieħed jista’ jpejjep 10 metri ‘l bogħod miż-żona fejn hemm l-imwejjed.
  • Ir-restorant irid iżomm id-dettalji ta’ persuna waħda minn fuq kull mejda, klassifikati skont id-data u l-ħin għal erba’ ġimgħat.

Il-linjigwida jispjegaw ukoll prattiċi importanti li għandhom isegwu l-impjegati fit-tindif tal-bars, clubs u stabbilimenti simili. Dan sabiex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm firxa tal-coronavirus u anke mard ieħor.

  • Il-ħaddiema għandhom jilbsu l-ingwanti huma u jnaddfu u jiddisinfettaw.
  • Kemm jista’ jkun għandhom jintużaw ċraret li jintremew wara li jintużaw darba.
  • L-uċuh (art, imwejjed, trolleys, sinks eċċ) għandhom jintmesħu b’diżinfettant u jitħallew jinxfu waħedhom.
  • Punti ta’ kuntatt bħal pumijiet, switches tad-dawl, manku tal-fridge eċċ għandhom jiġu diżinfettati frekwentament.
  • Is-siġġijiet u l-imwejjed għandhom jitnaddfu u jintmesħu wara li jintużaw minn kull klijent.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn