Filmat: Tas-Sliema b’nies mill-aktar umli?

Għada filgħaxija fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema, se jitnieda l-ktieb linji sfużi, ġabra ta’ stejjer u fotografija.
B’kitba ta’ Clifford Jo Żahra u Ancel Cefai, u b’fotografija ta’ David Grima, dan il-ktieb se jkun qed isegwi sforz mibni fuq sena minn grupp ta’ żgħażagħ, li ttanta jisfida l-isterjotip Slimiż, permezz tal-arti.
F’dawn l-istejjer, Tas-Sliema tidher f’dawl ieħor, tilqa’ nies mill-iktar umli, li jħabbtu wiċċhom ma’ problemi kbar fil-ħajja b’mumenti spissi ta’ qtigħ il-qalb.  Il-ktieb jitratta nies li ma jidhrux fil-konċezzjoni popolari li teżisti s’issa dwar is-Slimiżi – dawk li għal ħafna jidhru bħala poplu maqtugħ għalih, u jgħix ħajja ta’ lussu bi ftit li xejn problemi.
Linji sfużi kien proġett li involva għadd ta’ żgħażagħ f’sensiela ta’ workshops u ġie ffinanzjat mill-programm Youth in Action.
Il-ktieb se jitnieda fit-8pm, fejn mistennija tiftaħ ukoll wirja fotografika li se tibqa’ għaddejja sat-12 ta’ Ottubru.
Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook Linji Sfużi.