Filmat: Tas-saħħa f’kuntatt mal-qraba tat-13-il vittma tal-Covid-19 – Fearne

Read in English.

L-Isptar Mater Dei qiegħed iżomm kuntatt mal-qraba tar-raġel ta’ 89 sena li kien it-tlettax-il pazjent li miet minħabba l-Covid-19, wara li iben ir-raġel esprima tħassib serju fuq id-deċiżjonijiet mediċi li ttieħdu dwar missieru.

L-awtoritajiet tas-saħħa kienu ħabbru li r-raġel iddaħħal Mater Dei fit-23 ta’ Awissu, u li swabs għall-Covid-19 irriżultaw fin-negattiv. Però, peress li kien ġie f’kuntatt ma’ persuna pożittiva waqt li kien fil-komunità, ingħata l-kura f’iżolament. Spjegaw li ġie rrilaxxat filgħodu nhar it-Tnejn, 31 ta’ Awissu, mingħajr ebda sintomi, però l-qagħda tiegħu iddeterjorat b’mod rapidu u reġa ddaħħal l-isptar, fejn ġie konfermat pożittiv għall-Covid-19, u fejn miet ftit tas-sigħat wara.

Ibnu staqsa kif missieru ġie rrillaxxat mill-isptar, u nsista li kuntrarju għal dak li ntqal, kellu sintomi ċari ta’ Covid-19. Hu qiegħed jinsisti li l-awtoritajiet jispjegaw ruħhom, u biex issir ġustizzja mal-familja.

Il-Ħamis filgħodu, wara l-inawgurazzjoni tal-berġa ġdida tal-Fgura, Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal lill-ġurnalisti li bħal kull każ ieħor ta’ Covid-19 – mhux biss dawk li jirriżultaw f’imwiet – il-każ qiegħed jiġi nvestigat. Waqt li fakkar li m’huwiex f’pożizzjoni li jelabora fuq dettalji personali ta’ pazjenti, semma wkoll li Mater Dei qiegħed f’kuntatt mal-familjari tal-anzjan biex jispjegaw x’ġara.

Il-ministeru tiegħu kien ħareġ kjarifika: din id-darba, intqal li r-raġel ittieħed l-IDU fl-24 ta’ Awissu, fejn miet it-Tnejn li għadda. Żied li kien hemm contact tracing fis-sala fejn kien qiegħed l-anzjan, però l-ebda pazjent jew ħaddiem ma rriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Fearne ġie mistoqsi wkoll fuq il-vaċċin, fejn qal li jiġi distribwit biss wara li testijiet jikkonfermaw li hu effetiv u sigur. Il-ministru qal ukoll li ma jidhirx li hemm oppożizzjoni għall-vaċċin lokalment.

B’risposta għal mistoqsija oħra, fuq il-ftuħ tal-iskejjel, emfasizza l-importanza li jerġgħu jinfetħu l-iskejjel għat-tfal, u emfasizza li l-istakeholders kollha qed jaħdmu biex jassikuraw li l-aħjar prattiċi jiġu adottati ġo Malta.