Filmat: Nollijiet u cards ġodda għat-trasport pubbliku minn Lulju

Hekk kif mil-lum it-trasport pubbliku f’Malta għadda f’idejn il-kumpanija Autobuses de Leon, tħabbru diversi bidliet li l-parti l-kbira tagħhom se jibdew minn Lulju li ġej.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, iċ-ċermen tal-Autobuses de Leon, Felipe Cosmen qal li l-bidliet se jiġu implimentati gradwalment.  Il-pjan li huwa li mill-1 ta’ Lulju se jibda jsir titjib fis-sistema tal-biljetti, u se jiżdiedu r-rotot u l-frekwenza tal-vjaġġi.  
Waħda mill-ikbar bidliet hija l-introduzzjoni ta’ card simili għall-Oyster Card li tintuża fir-Renju Unit.
Nollijiet ġodda u cards 
Mill-1 ta’ Lulju n-nollijiet il-ġodda tat-trasport pubbliku se jkunu kif ġej:
 Għal 30 ġurnata, l-adulti jħallsu €26, €21 għall-istudenti

  • Għal 90 ġurnata, l-istudenti jħallsu €55 (roħs ta’ €5)
  • Għal sebat ijiem, għat-tfal u dawk li għandhom il-Karta Anzjan, il-prezz huwa ta’ €2 (roħs ta’ 30 ċenteżmu)
  • Għall-vjaġġ wieħed għal dawk li jkollhom il-card, il-prezzijiet huma:
    • 75ċ għall-adulti
    • 25ċ għat-tfal u dawk bil-Karta Anzjan.

Dawk mingħajr card u li jixtru biljetti minn fuq tal-linja se jħallsu €1.50. Fis-sajf il-prezz ikun €2. Dan qed isir bil-għan li jonqsu dawk li jixtru biljett ta’ ġurnata u jiżdiedu dawk li jixtru cards u għaldaqstant jagħmlu aktar użu mit-trasport pubbliku.
Il-passiġġieri se jkunu jistgħu jżidu l-bilanċ fil-card permezz tal-mowbajl, mill-websajt jew mill-ħwienet.
Il-prezzijiet jistgħu jogħlew skont konċessjoni tal-ftehim mal-awtorità tat-trasport, suġġett għall-inflazzjoni.
Impjegati ġodda
Sal-aħħar tal-2015, se jkunu ingaġġati 300 impjegat ġdid. Bħalissa, se jkunu qed jiġu ngaġġati 100. Ix-xufiera kollha se jingħataw taħriġ speċjali.
Flotta ġdida
Fil-ġimgħat li ġejjin il-vetturi preżenti se jinbidlu għall-flotta temporanja. Sa Settembru li ġej se jinġiebu Malta 142 karozza tal-linja ġdida.B’kollox il-flotta f’Malta u Għawdex se tkun tinkludi 360 karozza tal-linja.
Il-karozzi tal-linja se jkunu 100% aċċessibbli u ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
Il-kumpanija Spanjola ilha topera mill-1728, għandha aktar minn 5,000 vettura u 40,000 impjegat,  u ġġorr aktar minn 100 miljun passiġġier kull sena.
Il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal li t-tnedija ta’ dan is-servizz mill-kumpanija Spanjola se jkun ifisser bidla tal-kultura għall-poplu Malti.
Aktar dettalji hawn taħt.