Filmat: Tarbija tat-twelid kienet pożittiva għall-coronavirus

Il-Konsulent tas-Saħħa Pubblika Dr Tanya Melillo qalet li fost il-vittmi tal-coronavirus kien hemm tarbija tat-twelid. Hija qalet li din it-tarbija ħadet il-coronavirus għax ommha, meta wellditha, kellha l-virus.

Dr Melillo kienet qed tieħu sehem fl-edizzjoni speċjali ta’ Newsbook Q&A li xxandret fuq Newsbook.com.mt is-Sibt waranofsinnhar. Il-programm speċjali sar wara li tħabbar li kien hemm numru rekord ta’ 204 każijiet f’ġurnata waħda.

Semmiet li bilkemm setgħu jemmnu din iċ-ċifra u għamlu ħin twil jiċċekkjaw kollox biex ikunu ċerti li se jippubblikaw ċifra eżatta.

Ir-rekord ta’ każijiet tal-bieraħ
204 każi ġodda ta’ coronavirus

Appell imqanqal

Il-Konsulent tas-Saħħa Pubblika għamlet appell imqanqal biex kulħadd jimxi mal-miżuri li jipproponu l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

“Ħadd mhu safe mill-virus,” qalet Melillo, waqt li żiedet li, “Jien fil-kamra tiegħi biss inħossni safe.”

Barra l-eżempju tat-tarbija tat-twelid qalet li anke persuni ta’ età żgħira issa qegħdin fl-ITU jiġġieldu għall-ħajjithom.

Waqt li qalet li l-miżuri li ttieħdu riċentement mill-Gvern mhux biżżejjed, fakkret li l-virus għadu jinfirex iżda sfortunatament in-nies għadhom iġibu ruħhom qisu l-virus ma jeżistix.

Tkelmet ukoll dwar il-problema li qed ikollhom biex jikkuntattjaw lil kull min ikun ġie f’kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv.

“Ġieli jkollna nċemplu 50 persuna li kellhom kuntatt ma’ persuna waħda, u nċemplulhom biex jagħmlu kwarantina. Numru kbir. Mhux ċajt.”

Dr Melillo kemm-il darba ħadet sehem fi programmi fuq Newsbook.com.mt u fuq 103 Malta’s Heart biex tinforma lin-nies dwar kif miexja l-kwarantina u biex tinsisti ma’ kullħadd biex josserva d-direttivi li jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.