Filmat: Nirien Magħtab; javżaw biex jingħalqu t-twieqi

 

Maghtab 😱

Posted by Martin Sen on Thursday, August 30, 2018

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jitlob lir-residenti tan-Naxxar, San Ġwann, Tas-Sliema u postijiet oħra fil-viċinanzi biex iżommu t-twieqi ta’ djarhom magħluqa. Dan wara li nirien ħakmu Parti mill-WasteServ fil-landfill tal-Magħtab kmieni dalgħodu.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li r-rapport daħal għall-ħabta ta’ 6.10am. Spjegat li l-parti tal-WasteServ fejn jiġi sseparat il-plastik ħa n-nar. Jidher li ma weġġa’ ħadd kawża ta’ dan l-inċident.

F’post fuq Facebook, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili avżat biex kemm jista’ jkun wieħed jevita milli jgħaddi mill-akkwati tal-Magħtab bil-karozza.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa ġew avżati bid-dħaħen kbar u suwed li ħakmu bosta lokalitajiet. Għaldaqstant persuni li għandhom problemi f’qalbhom jew fil-pulmun, bħall-asthma qiegħdin f’riskju akbar meta esposti għal dawn id-dħaħen.  Dawk kollha li jesperjenzaw xi problemi fin-nifs minħabba d-dħaħen qed jintalbu jitkellmu ma’ tabib immedjatament.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent spjega li wara n-nirien mill-ewwel issejħet l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jiġu kkontrollati n-nirien. Sostnew li l-impjant inniffsu ma ġiex mittiefes min-nirien. Minkejja li sostnew li n-nirien qiegħdin taħt kontroll, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili jeħtieġu ftit ġranet sakemm jintfew għal kollox.

Il-Partit Laburista jgħid li dan m’hux mument li tgħaddi messaġġi politiċi

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li hija tal-mistħija kif esponenti ewlenin tal-Oppożizzjoni għażlu li jkunu partiġjani f’mument bħal dan. Qal ukoll li minflok kliem ta’ appoġġ lejn il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, għażlu li jiktbu messaġġi politiċi partiġjani. Il-Partit Laburista rringrazzja lill-ħaddiema involuti fil-ħidma tagħhom dalgħodu.

L-Alternattiva Demokratika tgħid li dan l-inċident iqajjem tħassib

Min-naħa l-oħra, Carmel Cacopardo, iċ-Ċermen tal-Alternattiva Demokratika qal fi stqarrija, li dan l-inċident hu ta’ tħassib kbir hekk kif inċident simili diġà seħħ fl-Impjant ta’ Sant’ Antnin f’Masaskala s-sena l-oħra. Hu qal li minħabba l-politika kurrenti, li hija favur l-inċinerazzjoni, fil-fehma tiegħu, hu aktar faċli li jwassal għal dawn it-tip ta’ inċidenti.

Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar favur inizjattivi ambjentali 

Fi stqarrija, l-Kunsill Lokali tan-Naxxar qal li huwa favur kull inizjattiva ambjentali, fosthom is-separazzjoni tal-iskart, iżda l-Gvern irid jassigura li f’impjanti bħalma huwa dak fil-Magħtab iridu jittieħdu l-miżuri biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda periklu u dannu għas-saħħa tar-residenti tan-Naxxar u tal-madwar.

Il-Kunsill Lokali qal li qiegħed f’kuntatt mar-residenti tal-lokalità, b’mod partikolari dawk tal-inħawi tal-Magħtab biex jgħin kis jista’ fil-bżonnijiet li jista’ jkollhom.

Filmat: George Puliccino