Filmat: Tama ġdida għal nies bil-Parkinson’s f’Malta

Il-persuni bil-Parkinson’s f’Malta issa għandhom opportunità jiżfnu u jiċċaqilqu f’ambjent san ma’ persuni oħra, u b’hekk jibdew iħossuhom aħjar. Mal-1,400 persuna f’Malta għandha l-Parkinson’s.

Natalie Muschamp, il-fundattriċi ta’ Step Up for Parkinson’s, tispjega kif mal-mitt persuna diġà ngħaqdu mal-għaqda volontarja, li għandha l-appoġġ tal-Malta Community Chest Fund u l-MMDNA. Permezz ta’ dan l-appoġġ, l-għaqda tista’ tagħti lezzjonijiet speċjalizzati taż-żfin mingħajr ħlas.

Lezzjoni taż-żfin apposta mingħajr ħlas

F’intervista ma’ Sylvana Debono fuq RTK, Natalie tgħid li meta inti tiżfen u tiċċaqlaq tkun tista’ tifhem x’diffikultajiet għandhom nies bil-Parkinson’s, li ma jkunux jistgħu jagħmlu l-movimenti kollha – minħabba nuqqas ta’ bilanċ, għebusija u diffikultà biex jiċċaqilqu.

“Naħdmu billi nħeġġu persuna tiżfen u tiċċaqlaq biex tikkura lilha nnifisha,” tispjega Natalie filwaqt li ssemmi studji dwar każi fl-aħħar seba’ snin fejn persuna bil-Parkinson’s marret għall-aħjar b’dan l-eżerċizzju.

Il-persuni se jiltaqgħu f’lokalitajiet differenti: Ħal Safi, in-Naxxar, is-Swieqi, Birżebbuġa u Għawdex. Is-sessjonijiet diġà bdew f’numru ta’ postijiet u dawn il-persuni jistgħu jattendu ma’ membri tal-familja tagħhom. Dawn isiru mingħajr ħlas u l-persuna m’għandhiex riskji li tista’ tweġġa’.

Aktar kmieni din is-sena, l-organizzazzjoni Step Up for Parkinson’s organizzat serata gala fejn attendew mal-180 persuna. Dawk preżenti li għandhom il-Parkinson’s kienu l-protagonisti meta taw preżentazzjoni huma stess għall-ewwel darba u żifnu mal-mużika ta’ Singing in the Rain u Dancing Queen.

It-terapija biż-żfin ippruvata li taħdem bir-riċerka

Ir-riċerkatriċi Sara Houston tispjega li t-terapija taż-żfin ippermettiet persuni bil-Parkinson’s biex jgħixu aħjar bil-marda, minkejja n-natura progressiva tagħha. Houston hija lecturer f’Roehampton University li hi involuta f’riċerka li ilha għaddejja ħames snin dwar iż-żfin għall-Parkinson’s. Hija kienet qed titkellem waqt it-tnedija ta’ dokumentarju qasir dwar is-suġġett. Id-dokumentarju sar b’kollaborazzjoni bejn Step Up for Parkinson’s, ir-rivista THINK u l-Università ta’ Malta.

Mill-istudju tagħha, ir-riċerkatriċi sabet li l-gruppi taż-żfin kellhom għadd ta’ effetti pożittivi fuq il-pazjenti, u għinuhom jagħmlu l-ħbieb u jerġgħu jibnu l-kunfidenza. Sabet ukoll li riżultat tas-sessjonijiet taż-żfin, żviluppaw gruppi ġodda bejn il-parteċipanti, u l-pazjenti kienu qed jinvolvu ruħhom f’attivitajiet oħra, li kieku ma kinux se jidħlu għalihom.

Il-President ta’ Malta tfaħħar l-għajnuna biż-żfin

Waqt it-tnedija tad-dokumentarju “Dancing with Parkinson’s”, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca faħħret l-inizjattiva tal-lezzjonijiet taż-żfin. Qalet li din l-inizjattiva se tkun qed teduka u żżid l-għarfien fuq din il-kundizzjoni, mhux biss fost dawk li jgħixu biha, iżda anke fis-soċjetà.

Qalet li meta aħna, bħala soċjetà nitgħallmu, nifhmu u nagħrfu d-diffikultajiet u l-isfidi li persuni jgħaddu minnhom, meta jgħixu b’kundizzjoni partikolari, inkunu qed insiru soċjetà li tagħti aktar kompassjoni, u soċjetà li tkun ferm aktar rispettuża, billi nirrispettaw, b’mod sħiħ, id-dinjità umana ta’ kull persuna.

Jekk tixtieq tattendi għal-lezzjonijiet taż-żfin jew tixtieq tikseb iktar dettalji, idħol fil-paġna fuq Facebook: Step Up For Parkinson’s Voluntary Organisation jew ċempel fuq 9920 0822.