Filmat: Taljani f’Malta jservu riċetti bi prodotti Maltin

Read in English.

Prodotti lokali qed jintużaw fir-riċetti ta’ żewġ nisa Taljani li jgħixu f’Malta. Minbarra li wieħed jista’ jiekol għandhom ikel bi prodotti lokali biss, hemm ukoll il-filosofija biex il-persuni li jiltaqgħu magħhom jitgħallmu iktar dwar l-impatt tal-għażliet tal-persuna fuq l-ambjent.

Newsbook.com.mt iltaqa’ ma’ Elena Borg u Irene Canovari li huma l-imħuħ wara Semplice. L-idea hi li jippreparaw l-ikel bi prodotti naturali li jitkabbru f’Malta.

Huma ltaqgħu waqt kors tat-tisjir f’Malta, u għal raġunijiet differenti t-tnejn li huma ma spiċċawhx. Madanakollu baqgħu f’kuntatt.

Semplice twieled wara li t-tnejn li huma għamlu riċerka dwar postijiet f’Malta fejn wieħed jista’ jmur jiekol f’post familjari fejn l-ikel servut ikun tal-istaġun.

Elena qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-għan huwa li tippromovi ikel u prodott lokali. L-Italja hi famuża għall-prodott lokali u frisk, għaldaqstant riedu juru x’toffri Malta. Iddeskriviet lil Malta bħala ‘art ġeneruża’. Huma għamlu kuntatt mal-bdiewa u rrealizzaw kif ħafna mill-Maltin ma jagħrfux kemm toffri Malta bħala prodott lokali.

Elena osservat li ħafna nies imorru s-supermarket iżda ma jagħtux każ u ma jixtrux il-prodott lokali.

“Ħasra li ma jagħżlux il-prodott lokali”

Elena sostniet li hi ħasra li ma jagħżlux it-tadam ta’ Malta li forsi ma jidhirx sabiħ daqs it-tadam ta’ barra iżda huwa iktar ħelu. Spjegat kif il-prodott mill-għalqa jiġi mill-ewwel fuq il-mejda. Irene semmiet meta darba bidwi ta baskett tadam b’xejn lil Elena għax ma kienx “sabiħ” u ħadd ma riedu. Dan it-tadam sar passata li huma jużaw biex iservuh lil dawk li jagħżlu li jieklu mingħandhom.

B’għażliet bħal dawn huma qed jippruvaw inaqqsu l-marka tal-karbonju. “Mhux diffiċli għal Malta biex isservi ikel li ma jkunx vjaġġa ħafna,” rrimarkat Irene. Hi qalet li barra minn Malta din hi xi ħaġa kbira u f’Malta din hi faċli ħafna. Elena żiedet tgħid li huma qed jippruvaw iqajmu għarfien dwar l-impatt tal-ikel fuq l-ambjent.

In-nanniet tagħna kienu jiġbru l-ħaxix “ħażin”

Il-klijenti Maltin ġieli baqgħu sorpriżi hekk kif fil-platt isibu ħaxix “ħażin”. Irene spjegat li huma sabu li n-nanniet tagħhom kienu jiġbru ħaxix salvaġġ u jużawh fir-riċetti tagħhom, l-istess ħaxix jinsab f’Malta. Elena semmiet il-ħurrieq u l-fidloqqom, li wieħed jista’ jsib fis-salvaġġ. Irene żiedet tgħid li dawn għandhom togħma speċjali li wieħed jibqa’ jiftakarha.

“Ir-risotto bil-fidloqqom huwa veru tajjeb!’ saħqet Elena.

Irene qalet li n-nies jissorprendu ruħhom meta jaraw dan il-ħaxix; ‘Dan il-ħaxix narah kullimkien, imma ma kontx naf li tista’ tieklu!’

Nitkellmu mal-bdiewa

Elena rnexxielha tiltaqa’ ma’ xi bdiewa minħabba li r-raġel tagħha jaħdem fl-agrikoltura. Il-bdiewa ħadu gost bl-idea tagħhom, u Elena u Irene dlonk bdew ifittxu l-bdiewa kull darba li jkollhom in-nies għall-ikel.

Il-menus tagħhom jiġu preparati skont l-istaġun u skont x’jirnexxilhom jixtru direttament mingħand il-bdiewa.

Dwar l-importanza li wieħed jiekol prodotti lokali, Irene sostniet li huma jemmnu li “you are what you eat”. Staqsiet x’inhu l-punt li tiekol frott li jikber il-Brażil jew ħut mit-Tramunatana tal-Ewropa. Żiedet tgħid li l-prodott lokali huwa irħas kemm bħala flus kif ukoll mil-lat ta’ enerġija.

‘Il-frawli li jinġabar minn Malta ma jgħaddix minn proċessi twal biex isir ġamm,’ saħqet Irene.

Hi kwistjoni wkoll ta’ ‘kburija’, jiġifieri li huwa sabiħ li tgħid li prodott huwa “magħmul f’Malta” jew “Ta’ Malta”, spjegat Irene.

‘Aħna parti minn dak il-grupp li rridu naraw iktar ambjent naturali f’dan il-pajjiż’

Minkejja li Taljani, huma jħossuhom parti minn Malta u ddeskrivew irwieħhom bħala parti mill-grupp li jixtieq jara iktar ambjent naturali f’Malta b’arja iktar nadifa.

Irene spjegat li huwa importanti li l-bdiewa jiġu mgħejjuna u appoġġjati biex ikomplu jkabbru l-ħaxix u l-frott f’Malta. Fissret li b’hekk l-għalqa ma tinbidilx f’parkeġġ, għax il-bidwi jkun jista’ jkompli jaħdimha.

Bil-proġett tagħhom, Irene u Elena qed jaħdmu biex iqarrbu l-prodott lokali, il-bdiewa u dawk in-nies li jagħżlu jieklu għandhom.