Filmat: Tal-linja teħlisha ħafif fir-Rabat

F’filmat li qed idur bħalissa fuq il-midja soċjali jidher li trakk tat-towing u karozza tal-linja ħelsuha ħafif hekk kif ix-xufier tal-karozza tal-linja għadda minn triq dejqa fir-Rabat, Malta meta f’nofs l-istess triq waqaf trakk tat-towing. Ix-xufier ma setgħax jagħmel mod ieħor peress li din hi r-rotta normali tal-linja.
L-inċident seħħ nhar is-Sibt li għadda 11 t’ Ottubru fi Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat. Taħt il-filmat, il-persuna li tellgħetu kitbet “la jmut xi ħadd, Transport Malta tieħu azzjoni.” Uħud fuq Facebook saqsew għalfejn it-toroq f’Malta huma daqshekk dojoq u oħrajn saqsew għalfejn il-karozzi tal-linja ta’ Malta huma daqshekk kbar.
Minkejja li r-raġuni għalfejn ix-xufier tat-trakk tat-towing waqaf fin-nofs mhix magħrufa, kien hemm min qal li dan kien att ta’ traskuraġni u li x-xufiera tat-toroq Maltin, speċjalment dawk li jsuqu vetturi kbar jew li jġorru fuqhom il-passiġġieri, għandhom ikunu iktar prudenti u joqogħdu iktar attenti fit-triq.