Filmat: Tal-LifeCycle fi triqithom lejn Malta b’€130,000

Wara kważi 2,000 kilometru ta’ qdif bir-roti, iċ-ċiklisti tal-LifeCycle temmew l-isfida ta’ din is-sena u rnexxielhom jiġbru aktar minn €130,000 b’risq il-pazjenti morda bil-kliewi.

Il-maratona tal-LifeCycle ta’ din is-sena ħadet lill-20 ċiklist f’ħames pajjiżi differenti: il-Belarus, il-Litwanja, il-Latvija, l-Estonja u finalment ir-Russja.

Malli lbieraħ filgħaxija ċ-ċiklisti waslu fil-pjazza ewlenija ta’ San Pietruburgu fir-Russja, sabu jistennewhom lill-familja Borg, li tgħix ir-Russja u li skoprew  bl-isfida taċ-ċiklisti Maltin minn fuq Facebook.

Newsbook.com.mt ħa l-kumment ta’ Robert Zammit li għalih din kienet il-ħames darba li qed jagħmel din il-maratona. Qabelxejn, Robert sellem lill-pazjenti tar-Renial Unit, li għalihom reġa’ daħal għall-LifeCycle ta’ din is-sena.

Iż-żewġ ċiklisti li weġġgħu f’dawn il-jiem, iddeċidew li jaqdfu, bi tbatija, l-aħħar ftit kilometri tal-LifeCycle.

Iċ-ċiklisti Maltin mistennija jiġu lura Malta nhar il-Ħadd li ġej f’nofsinhar.