Filmat: Tajani jsostni l-ħtieġa li jinstabu l-mandanti tal-qtil ta’ Daphne

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal li l-UE għadha qed tistenna li tkun taf min hu 'l-omm u l-missier' tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia għax dan il-qtil mhux aċċettabbli. Huwa tkellem fit-tul dwar l-aspett tal-fake news u qal li l-mod kif l-informazzjoni intużat minn Cambridge Anaytica għall-Brexit kien ta' tħassib kbir.
Qal li l-unika mod kif il-poplu ma jibqax jagħżel partiti populisti hija li l-informazzjoni tasal għand il-pubbliku b'mod sħiħ u integru.
Huwa qal li l-laqgħa ma' Zuckerberg se tixxandar b'mod live apposta biex tippromwovi t-trasparenza. Huwa radd ħajr lil Zuckerberg li jinsab fi Brussell minkejja li ma kienx obbligat li jagħmel dan. 
Tajani qal li l-burokrazija trid tittnaqqas u li l-flus iridu jmorru biex ikunu implimentati sew il-liġijiet anke għax ukoll, il-flus tal-Ingilterra se jitilqu mill-borża Ewropea.
Id-dibattiti il-kbar, qal Tajani, se jkunu dwar l-immigrazzjoni, it-tisħiħ tad-demokrazija, id-difiża tal-valuri u l-ħelsien tal-istampa. Sostna li mhux aċċettabbli li żewġ ġurnalisti prominenti bħal Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak jinqatlu. Irrepeta dak li qal meta ġie Malta u sostna li l-importanza li l-Unjoni Ewropea tkun taf il-mandanti ta' dan il-qtil. Tajan qal li filwaqt li l-UE mhix fil-ħsieb li jkollha armata imma qed tħares lejn il-possibbiltà li l-industrija tad-difiża kif ukoll is-sistemi tat-taxxa jkunu armonizzati. Il-futur komuni, kkonkluda Tajani, jinbena fuq il-valur tal-ħelsien, tal-paċi u tax-xogħol għaż-żgħażagħ.
Il-Parlament Ewropew beda t-tellieqa għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Ritratti: Parlament Ewropew