Filmat: “Tagħlqux qalbkom għal min qed jegħreq” – l-Isqof Grech

L-Isqof Mario Grech qal li jekk id-dinja trid iġġarrab il-qawwa tal-Irxoxt, ma tistax tibqa’ tagħlaq qalbha għall-bniedem speċjalment għall-bniedem li qed jegħreq. Huwa qal dan f’kuntest Nisrani fejn lil Kristu Rxoxt nistgħu narawh mhux b’għajnejna imma b’qalbna. Fisser li jekk id-dinja trid tara lil Kristu Rxoxt ma tistax tibqa’ tagħlaq qalbha. Huwa qal dan anke fis-sitwazzjoni preżenti tal-immigrazzjoni fl-ibħra Maltin.

L-Isqof Grech qal li Kristu ħabbna bil-mewt tiegħu fuq is-salib għas-salvazzjoni tagħhna. Huwa stqarr li ma jistax wieħed jgħid li jħobbok jekk jgħid li jħobbok sakemm ma jweġġax. L-Isqof tkellem ukoll dwar it-tama li joffri l-Irxoxt lil Marija ta’ Magdala. Jgħid li din it-tama Marija għaddieta lid-dixxipli li kienu bla tama, magħluqa u mbeżża.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex qal dan fl-Omelija fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex fejn qal ukoll li kieku m’għandnix Għid kieku aħna bla fidi. L-Isqof qal li jista’ jagħti l-każ li l-bnedmin ikollhom illużjonijiet li jfixkluhom mill-fidi tagħhom. Fisser dan billi qal li “irridu naraw lil Kristu rxuxtat u ma narawx lill-bniedem”, b’referenza għall-għajnuna lill-proxxmu.

L-Isqof spjega li Marija ta’ Magdala u Ġwanni kellhom qalbhom tħabbat għal Kristu b’differenza minn Pietru li ma kellux l-istess imħabba.

Dwar l-Evanġelju, l-Isqof jgħid li Marija ta’ Magdala għax għandha qalb tara lill-Kristu Rxoxt. Huwa qal l-istess dwar id-dixiplu l-maħbub ta’ Kristu, Ġwanni. L-Isqof jgħid li fl-Evanġelju jingħad li hekk kif daħal fil-qabar ta’ Kristu, Ġwanni ra u emmen. Jgħid ukoll li ma jingħadx l-istess dwar Pietru li minkejja r-responsabbiltajiet li kellu daħal fil-qabar u mar lura għax ma rahx.

Fid-dawl ta’ dan, l-Isqof qal li lkoll kemm aħna nixtiequ naraw lil Kristu fiċ-ċirkostanzi koroh ta’ bħalissa. Huwa qal li jekk għandna qalbna mimlija għalih, il-Mulej se jipprovdilna sinjali li jikkonfermaw li Kristu qam mill-mewt.