Filmat: Taffaċċjax il-kanċer tas-sider waħdek; Europa Donna Malta tista’ tgħinek

Read in English.

L-għaqda volontarja Europa Donna Malta toffri grupp ta’ sapport għal persuni li jkunu għaddejjin mill-marda tal-kanċer. Dan sabiex ikunu jistgħu jgħinu u jissapportjaw lil xulxin fi żmien li forsi jkun kemmxejn diffiċli għalihom.

Newsbook.com.mt tkellem mal-President Gertrude Abela u l-Viċi-President Rowena Enriquez dwar ix-xogħol li tgħamel l-għaqda.

Abela spjegat li l-għaqda għandha l-uffiċċju tagħha fil-Furjana fejn hemmhekk il-grupp jiltaqa’ darba fix-xahar. Irrimarkat li s-sapport huwa aspett importanti ħafna għall-grupp, speċjalment dak dirett mal-persuna fil-bżonn (one-to-one). Qalet li l-għaqda ġieli tħallas il-kontjiet ta’ persuni li jfittxu għajnuna psikoloġika f’dan iż-żmien diffiċli.

Minkejja li f’Ottubru tqum aktar kuxjenza dwar is-suġġett tal-kanċer tas-sider, din il-marda taffettwa lill-bnedmin matul is-sena kollha. Qalet li bħala għaqda anke jiggwidaw lin-nisa sabiex isiru jafu minn fejn se jixtru l-bżonnijiet li ma jingħatawx b’xejn mill-isptar. Spjegat li l-isptar jagħtu ħafna affarijiet b’xejn b’mod partikolari bras apposta.

Aqra: Filmat: “Malli sirt nanna sabuli kanċer” – Gertrude

L-għaqda tipprovdi wkoll leaflets u kotba b’informazzjoni dwar il-kanċer tas-sider. Qalet li joffru wkoll CD dwar kif wieħed jagħmel l-eżerċizzji fiżiċi wara l-operazzjoni. Abela enfasizzat li mhux kull min ikollu l-kanċer tas-sider ikollu bżonn jagħmel l-operazzjoni.

“Norganizzaw bosta avvenimenti”

Abela kompliet tispjega li l-għaqda torganizza bosta avvenimenti. Qalet li kien hemm xi drabi li għamlu fashion shows li fihom iparteċipaw nisa li affaċċjaw il-kanċer tas-sider, u qraba tagħhom. Fl-aħħar fashion show, spjegat li kien hemm ħames tfajliet taħt il-15-il sena, li tlieta minnhom, ommijiethom għaddew mill-kanċer tas-sider. Qalet li minn hemm irnexxielhom ukoll jiġbru xi fondi għall-għaqda.

Europa Donna Malta jorganizzaw ukoll diversi mixjiet, kif ukoll bosta avvenimenti u inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi fi żmien Pink October. Spjegat li parti mill-fondi li tiġbor l-għaqda jingħataw għar-riċerka tal-kanċer fl-Università ta’ Malta.

Intant, din is-sena, il-grupp se jagħlaq 30 sena mit-twaqqif tiegħu.

“Aħna ngħinuhom għax nifhmu minn xiex għaddew”

Min-naħa tagħha, Enriquez spjegat li filwaqt li t-tobba jistgħu jgħinu bil-mediċina, huma jistgħu jgħinu lil dawn in-nisa mod ieħor. Dan għax għaddew mill-istess esperjenza. Qalet li s-servizzi tal-għaqda jassiguraw li dak li jkun ma jħossx li għaddej minn din is-sitwazzjoni waħdu u jsib lil min jifhmu.

Jekk tixtieq titlob l-għajnuna tal-għaqda, tista’ tagħmel dan billi ċċempel fuq 99994666 jew inkella tibgħat e-mail fuq info@europadonnamalta.org.mt.