Filmat: Tabiba f’Mater Dei tispjega xi tfisser “flattening the curve”

Tabiba fl-Isptar Mater Dei ħadet l-inizjattiva sabiex tispjega lill-pubbliku xi tfisser il-frażi li qed tintuża ħafna bħalissa “flattening the curve”. Dr Melanie Zammit Borg taħdem bħala kardjoloġista.

It-tabiba spjegat li meta pajjiż jaffaċċja mikrobu jew virus ikun irid jara li l-popolazzjoni tiġi immuni għal dan il-virus. Qalet li l-iktar mod faċli kif wieħed jagħmel dan huwa li jagħti vaċċin li jkun jagħti immunità jew jgħin lill-ġisem jasal għall-immunità. Hi spjegat li fil-każ tal-coronavirus, il-vaċċin għadu mhux disponibbli. Spjegat li biex dan il-vaċċin jiġi żviluppat jieħu ħafna żmien, minn tal-inqas ftit xhur.

It-tabiba kompliet tgħid kif meta ma jkunx hemm vaċċin, pajjiż jista’ juża’ żewġ strateġiji. Qalet l-ewwel strateġija hija li tħalli l-virus jinxtered, il-ħajja tibqa’ għaddejja normali, u tħalli l-virus jieħu ż-żmien tiegħu u jinfirex b’mod rapidu. B’dan il-mod, ikollok numru kbir ta’ nies infettati, fi żmien qasir.

Qalet li l-vantaġġ ta’ dan il-metodu huwa li l-pandemija ddum iddur għal żmien qasir. Spjegat li l-problemi jibdew meta wieħed iħares lejn il-limiti tar-riżorsi tas-saħħa tal-pajjiż fejn jidħlu tobba, infermiera, sptarijiet, mediċini, fost riżorsi oħrajn. Qalet li malli l-massa tan-nies infettati taqbeż il-massimu tar-riżorsi tas-saħħa, se jkollok grupp ta’ persuni infettati li mhux se jkunu jistgħu jirċievu kura. Ikollok nies li jistgħu jmutu jew jiżviluppaw mard kroniku.

Hi kompliet billi mbagħad spjegat it-tieni sistema li jista’ jadotta pajjiż, dik tal-“flattening the curve”. Qalet li t-tieni sistema hija dik li qed jaddotta l-Gvern Malti u gvernijiet oħrajn barranin. Hija sistema fejn wieħed jipprova jrażżan il-virus milli jinfirex b’mod rapidu sabiex id-domanda għall-kura ma tilħaqx il-massimu tar-riżorsi tas-saħħa. Qalet li minkejja li veru li l-pajjiż idum aktar ma joħroġ mill-perjodu tal-pandemija, in-nies li jiġu infettati bil-virus dejjem se jkollhom aċċess għar-riżorsi tas-saħħa u dejjem se jsibu kura disponibbli.

Spjegat li b’hekk ikun hemm inqas imwiet, b’sintomi serji u b’kumplikazzjonijiet kroniċi. Qalet li dan jintlaħaq billi d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jimplementa metodi ta’ distanza soċjali bħal li jingħalqu l-fruntieri, ikun hemm sistemi ta’ kwarantina, jingħalqu l-iskejjel u postijiet pubbliċi. Qalet li l-massimu ta’ dawn il-metodi hija lockdown.

Qalet li huwa fid-dmir ta’ kulħadd li jgħin lill-awtoritajiet tas-saħħa. Qalet li l-poplu jista’ jgħin billi jsegwi l-istruzzjonijiet tas-Superintendent tas-Saħħa Pubbliku u t-tim tagħha.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn