Filmat: Tabib filgħodu u qassis filgħaxija; il-ħajja f’nofs il-ġungla

Read in English.

Kif tkun il-ħajja meta tkun qassis u tabib fil-missjoni?

Fr Raymond Portelli, qassis Għawdxi li ilu 26 sena jaħdem fil-missjoni fil-Perù, tkellem fuq 103 Malta’s Heart dwar kif iqatta’ l-ġranet tiegħu.

Waqt il-programm The Newsbook Hour ippreżentat minn Fr Joe Borg, Fr Portelli spjega li jaħdem fil-Belt ta’ Iquitos li tinsab f’qalb il-ġungla tal-Amażonja. Spjega li biex wieħed jasal Iquitos irid jiġi bl-ajruplan jew inkella jqatta’ 10 ijiem fuq dgħajsa fi xmara. Hemm 400,000 ruħ jgħixu fil-belt. Skont Fr Portelli hemm problema kbira ta’ qagħad. Id-djar huma tal-injam però hemm dawl u ilma. Spjega li l-familji ta’ Iquitos ikollhom ħafna tfal minħabba n-nuqqas ta’ edukazzjoni sesswali li jkollhom.

Wara li laħaq qassis, ħass is-sejħa li jmur jgħin f’xi pajjiż li għadu qed jiżviluppa. Mar il-Perù u baqa’ hemm.

“Il-mediċina minn dejjem kienet tgħoġobni, anke minn qabel ma dħalt is-seminarju,” qal Portelli. Ra li fil-parroċċa tiegħu fil-Perù kien hemm bżonn mhux biss il-kura tar-ruħ imma anke tal-ġisem. Ingħata l-permess mill-Isqof ta’ dak iż-żmien Nikol Cauchi biex jibda jistudja l-mediċina u laħaq tabib wara disa’ snin. L-università kienet nofsiegħa ‘l bogħod bil-mutur mill-parroċċa tiegħu.

Illum, nofs il-ġurnata jqattagħha bħala tabib u n-nofs l-ieħor bħala qassis.

Il-parroċċa ta’ Fr Portelli hija ta’ San Martin de Porres – patri li kien ħadem mal-foqra. Huwa l-unika qassis fil-parroċċa li tilqa’ fiha 18,000 persuna. Però qal li għandu ħafna nies lajċi jgħinuh.

Qal li hemm problema ta’ faqar tant li xi nies ma jonfqux aktar €3 kuljum biex jgħixu.

Fr Portelli spejga li ma jibqax biss Iquitos.  Ġieli jżur xi villaġġi li jkunu bejn sitt u 12-il siegħa ‘l bogħod bid-dgħajsa. Jieħu l-mediċini miegħu u jibda jara x’problemi ta’ mard ikollhom in-nies. Qal li jsib mard komuni bħall-pressjoni għolja, id-diabetè, u l-malarja. Meta jsib xi marda aktar ikkumplikata jħeġġeġ lil dak li jkun imur miegħu lejn Iquitos fejn hemm sptar. Però jkun hemm min ma jkunx jista’ jħalli l-familja tiegħu u allura jibqa’ fil-villaġġ.

Filgħaxija Fr Portelli imbagħad jorganizza laqgħa ta’ katekeżi li tkun imdawla bil-lampi tal-petrolju. Meta jqaddes ġieli jkun hemm nies li lanqas huma Kattoliċi. Dawn jiġu b’rispett għalih peress li jkun għenhom fil-kapaċità tiegħu bħala tabib.

Spjega li hemm sens ta’ familja fil-komunità ta’ nies li jgħixu fil-ġungla. Hemm mat-300 persuna fi ħdan 40 familja. Żied jgħid li dan l-ispirtu ta’ komunità jintilef meta n-nies jmorru jgħixu fil-Belt.