Il-UPE tappella biex l-istudenti jżommu l-bubble tagħhom

“Dejjem ninsistu fuq id-distanza soċjali” – Kulleġġ Santu Wistin

Il-Union of Professional Educators – Voice of the Workers ippubblikat filmat li juri kif l-istudenti mhux dejjem iżommu mal-bubbles tagħhom waqt li jkunu qegħdin tilgħin fil-vannijiet tal-iskola biex imorru d-dar u dan qiegħed iwassal biex jiġu injorati l-appelli u l-protokolli tal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.

Mill-banda l-oħra, l-awtoritajiet tal-Kulleġġ Santu Wistin qalu lil Newsbook.com.mt illi huma dejjem jinsistu li l-istudenti jżommu d-distanza soċjali f’kull ħin, anke meta jkunu se jitilgħu fuq il-vannijiet. Żiedu jgħidu illi r-rassa li dehret fil-filmat mibgħut mill-UPE kienet minħabba l-angolu li minnu ttieħed il-filmat.

“Huwa fatt magħruf,” qalulna l-awtoritajiet tal-iskola, “li meta filmat jittieħed mill-bogħod u bi close angle lens ikollok l-effett li ħareġ fil-video.”

Fuq il-media soċjali kienu diversi l-ġenituri u l-għalliema tal-iskola illi wrew l-appoġġ għall-iskola u għall-isforzi li tagħmel biex dejjem ikunu osservati d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

Il-UPE trid aktar lezzjonijiet online

Il-Unjin appellat biex ikun hemm iktar protokolli stretti fuq id-distanza soċjali fl-iskejjel u żiedet li l-aħjar għażla f’dawn is-sitwazzjonijiet hija l-istudenti jkollhom lezzjonijiet online sabiex jiġu ssalvagwardjati l-istudenti u l-għalliema.

Il-UPE tinsab sodisfatta l-Ministeru beda skola virtwali għall-istudenti li huma vulnerabbli jew li għandhom persuni fil-familja li huma vulnerabbli jgħixu magħhom. Żiedu li dan huwa pass ‘il quddiem li jipproteġi lit-tfal u l-familjari tagħhom madankollu l-UPE qalu li l-Ministeru u l-MUT qablu dwar dan għax qed jagħmlu li jistgħu fi kriżi.

Il-Union of Professional Educators qalet li din il-prattika qed twassal biex ikun hemm diskriminazzjoni kontra ġenituri li ddeċidew li jżommu lit-tfal milli jmorru l-iskola mhux għax huma vulnerabbli imma bħala prekawzjoni. Dawn it-tfal mhux jitħallew jattendu għal-lezzjonijiet virtwali minħabba li m’għanhomx evidenza x’juru li huma jew għandhom qraba vulnerabbli.

Il-UPE appellat lill-Kummissarju tat-Tfal biex taqbel magħhom li din hija diskriminazzjoni.

Naf bl-isforzi li jagħmlu l-iskejjel

Is-Sur Graham Sansone, Kap tal-UPE, qal ma Newsbook.com.mt li l-unjin hija konxja ħafna mill-biċċa xogħol diffiċli li għandhom l-iskejjel f’din is-sitwazzjoni u tagħraf li qed jagħmlu minn kollox biex iħarsu s-saħħa tal-istudenti waqt li jagħtu l-aqwa tagħlim.