Filmat ta’ kanzunetta ta’ Gianluca jsir mill-istudenti tal-MCAST

Tniehda filmat tal-kanzunetta ġdida ta’ Gianluca Bezzina.
Il-filmat ta’ ‘Picture’ inħadem bl-għajnuna ta’ diversi żgħażagħ, fosthom studenti tal-MCAST, mill-istitut tal-Arti u Disinn.
F’kumment li ta lil Newsbook.com.mt, Gianluca qal li jinsab kuntent u kburi bix-xogħol li għamel it-tim ta’ studenti.
Huwa qal li l-istudenti jkollhom ħeġġa partikolari, u li minkejja li r-riżorsi jkunu limitati u l-esperjenza tkun nieqsa, xorta joħorġu b’riżultat tajjeb.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Michael Grech, student li ħadem fuq il-filmat. Michael qal li din kienet esperjenza ġdida għalih, opportunità li seħħet bl-għajnuna tal-MCAST. Il-filmat kien parti minn assignment, li talab lill-istudenti sabiex jikkuntattjaw artist lokali biex jagħmlu filmat.
Fost l-istudenti li ħadmu fuq il-filmat kien hemm ukoll Fabrizio Fenech, Reuben Testa, Michaele Zammit, Jean Vella u Gianni Grioli.