​Filmat: Dalli tidħak għax “in-nies ma ndunawx” x’ried il-PL

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli, waqt li bdiet tidħak, qalet li l-poplu Malti ma ndunax dwar x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista għax skontha fil-programm elettorali tal-2013,“intużat biss il-kelma – ugwaljanza”.

Dalli kienet qed tindirizza attività tal-Kummissjoni dwar l-Istat tan-Nisa fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, li organizzat Malta stess, bil-għan li l-minoritajiet abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza kontra n-nisa jingħataw iktar viżibilità.
Waqt li bdiet tidħak Dalli qalet li l-Gvern wasal fejn ried f’dan is-settur minkejja li meta kien se jdaħħal l-unjoni ċivili sondaġġ wera li 80% tal-poplu kien kontra.
Madanakollu insistiet li bla ma jaf, il-poplu Malti kien qed jivvota għal dan, u li ħadd ma rrealizza li kelma waħda kienet tfisser pilastru ewlieni tal-Gvern.
Għalkemm il-Ministru qalet li l-unjoni ċivili ma kinitx fil-manifest tal-2013, l-istess manifest jinkludi "civil union għall-koppji tal-istess sess" bħala waħda mill-wegħdiet.

Dwar jekk dawn id-deċiżjonijiet urtawx lill-poplu Malti, filwaqt li fissret li kien hemm min staqsa jekk jafux x’qed jagħmlu, Dalli irrimarkat li ma waqgħetx id-dinja.
Insistiet li anke jekk kien hemm persuna waħda favur, temmen li għandu jkollha l-istess drittijiet, għax fi kliemha Malta mhix pajjiż fejn għandu jkun hemm ċittadini tat-tieni klassi.
Helena Dalli qalet ukoll kif wara li ġiet introdotta l-unjoni ċivili, ħafna nies saru favur u rrealizzaw li ma ttieħed xejn lil ħadd “u l-ħajja baqgħet għaddejja, u l-poplu kien aktar kuntent”.
Fl-istess attività rrakkuntat ukoll kif mara partikolari li tattendi kull sessjoni tagħha tal-Gvern li Jisma’, darba qaltilha li bħala Ministru hi jinteressaha biss mis-sess. Fissret li l-poplu ma jafx u għandu jkun mgħarraf aħjar dwar xi jfissru t-termini ‘orjentazzjoni sesswali u identità sesswali’.
Il-Gvern iċċensura parti mid-diskors tal-Ministru
Minkejja li l-Ministru Dalli qalet dan kollu, il-Gvern iddeċieda li jiċċensura din il-parti tad-diskors tant li dan ma ġiex irrappurtat fl-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-istqarrija ssemmi prinċipalment il-miżuri li ħa l-Gvern f’dan il-qasam, u li ġew elenkati mill-Ministru waqt l-attività.
Dawn jinkludu l-inklużjoni tal-identità tal-ġeneru fil-Kostituzzjoni, il-leġiżlazzjoni dwar iż-żwieġ, l-unjoni ċivili u l-koabitazzjoni miftuħa għall-koppji kollha, u l-marka X minflok M jew F fuq il-passaporti u l-karti tal-identità.
Ma’ dan ir-rapport Newsbook.com.mt qed iġib silta qasira mid-diskors fejn Dalli tidher tidħak għax in-nies ma ndunawx x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista.

Qed inġibu wkoll il-filmat kollu tal-konferenza fejn Dalli tkellmet aktar minn darba.