Filmat: “Ta’ dispjaċir li l-frontliners intesew fil-baġit” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni

Bernard-Grech-Nurses-Mater-Dei
Miguela Xuereb

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li hu ta’ dispjaċir għalih li fil-baġit li għadu kemm tħabbar, il-ħaddiema tas-saħħa li kienu minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-coronavirus intesew.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista qal dan waqt żjara li għamel lill-frontliners quddiem id-Dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Dr Stephen Spiteri. Din il-laqgħa kienet waħda minn serje ta’ laqgħat li qed ikollu t-tim ta’ azzjoni li waqqaf Grech fi ħdan il-PN biex joħroġ bi pjan kontra l-coronavirus.

Dr Grech rringrazzja lill-frontliners għall-ħidma tagħhom li ddeskrivieha bħala waħda straordinjarja b’sagrifiċċju kbir, ukoll personali u anke ġieli ‘l bogħod mill-familji tagħhom. Huwa għalhekk, qal Grech, li l-Partit Nazzjonalista jqis lill-frontliners kollha bħala eroj f’din il-ġlieda kontra l-virus.

Semma kif il-Gvern ma rrikonoxxiex din il-ħidma fil-baġit li ressaq ilbieraħ u lill-frontliners nesiehom meta kellu r-responsabbiltà li jserraħ ras il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-saħħa li huma l-iktar milquta mill-imxija tal-virus. “Robert Abela lanqas ma serraħ moħħ il-Maltin u l-Għawdxin li jinsabu ferm inkwetati bil-pandemija, bin-numru tal-imwiet li sfortunatament qegħdin jiżdiedu,” temm jgħid Grech.

“Ma jistax ikollna soċjetà li parti minnha biss tagħmel is-sagrifiċċji” – L-MP Spiteri

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Stephen Spiteri semma s-sagrifiċċji kbar li jagħmlu l-ħaddiema tas-saħħa u rringrazzjahom talli dak li jagħmlu jagħmluh minn qalbhom. Qal li issa li nantiċipaw li l-pressjoni fuqhom se tiżdied minħabba t-temp u l-influwenza, għandna napprezzaw li qed jagħmlu billi kulħadd ikun responsabbli. “Ma jistax ikollna soċjetà li biċċa minnha tagħmel sagrifiċċji u l-bqija le,” temm jgħid Spiteri.

“In-nies fit-triq l-aktar li jagħmlu differenza” – Dr Spiteri

Dr Michael Spiteri, Konsulent fl-Isptar Mater Dei, tkellem fuq kemm il-ħaddiema tas-saħħa bħalissa għandhom bżonn l-ideat u l-għajnuna ta’ kulħadd fil-pajjiż. Spjega kif filwaqt li l-politiċi għandhom l-irwol tagħhom x’jagħmlu, in-nies fit-triq huma dawk li jagħmlu l-akbar differenza f’din l-isfida.

Filmati: Miguela Xuereb