Filmat: Ta’ disa’ snin idoqq il-pjanu ‘b’għajnejh magħluqa’

Illum f’jum il-festa ta’ Santa Ċeċilja, il-patruna tal-mużiċisti, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Francesco, tifel ta’ disa’ snin, li jaf idoqq il-pjanu ‘b’għajnejh magħluqa,” kif jgħid il-Malti.
Francesco ilu jdoqq il-pjanu minn meta kellu tliet snin u diġà wasal fi grad 7 tal-mużika.
Dan ifisser, li Francesco diġa jinsab pass ‘il bogħod minn grad 8, li huwa wieħed mill-ogħla livell tal-mużika. Fi kliem sempliċi, grad 8, huwa daqs l-eżamijiet tal-A levels.
Kollox beda meta n-nanniet  tawh pjanu bħala rigal. Ftit taż-żmien wara, kien il-kindergarden u l-għalliema bdiet idoqq silta żgħira lit-tfal. Malli wasal id-dar, Francesco mar dritt fuq il-pjanu u qabad idoqq dik is-silta.
Lil Newsbook.com.mt, Francesco daqqlu silta romantika li xtaq jiddedikaha lill-ommu.
Bi tbissima fuq fommu, qal li meta jkun qed idoqq il-pjanu, speċjalment din is-silta, jħossu qed jitfissed ma’ ommu.
Wassal appell għall-ġenituri kollha biex iħallu lill-uliedhom fil-libertà, “biex jekk ikollhom id-don” ikunu jistgħu jkabbru t-talent tagħhom.