Filmat: Ta’ 69 sena jerġa’ jibda jitkellem

Ħafna drabi, qraba ta’ tfal ċkejkna u t-tfal infushom jifirħu meta jlissnu l-ewwel ftit kelmiet minn ħalqhom.
Dawn il-kelmiet ħafna drabi jkunu ‘ma’ jew ‘pa’.
Madanaollu, Joseph Zammit, anzjan ta’ 69 sena, ħa r-ruħ meta ftit tax-xhur ilu reġa' lissen l-ewwel ftit kelmiet minn ħalqu.
Filfatt l-ewwel żewġ kelmiet tiegħu kienu ‘kaboċċa’ u ‘illistrina’.
Joseph tkellem ma’ Newsbook.com.mt u rrakonta kif sentejn u ħames xhur ilu tah it-tieni attakk ta' puplesija.
Dakinhar hu kien sejjer jixtri, ma bediex iħossu tajjeb, żamm ma’ ċint u spiċċa l-isptar.
Spjega li hu jiftakar biss x’ġara wara t-tlett ijiem li għamel mitluf minn sensieh.
Joseph għamel tlett xhur ma jistax jitkellem u jċaqlaq idu, b’hekk ma setgħax jikkomunika tajjeb.
Hu stqarr li dawk id-disa’ ġimgħat għalih kienu purgatorju.
L-anzjan saħaq kemm hu importanti l-ispeech therapy għalih u kemm għenu biex seta’ jerġa’ jkun kapaċi jitkellem u jikkomunika.
Marzu hu x-xahar li jfakkar l-importanza tal-ispeech therapy u għal darb’oħra, l-assoċjazzjoni Maltija tal-ispeech therapy (ASLP), qed taħdem sabiex jiżdied l-għarfien dwar l-ispeech therapy.
Għal iktar informazzjoni u għajnuna dwar dan it-trattament tistgħu tikkuntattjaw lill-assoċjazzjoni fuq info@aslpmalta.org

Filmat: Reel8 Productions