Filmat: Ta’ 69 sena jagħmel il-Masters fl-Arti Diġitali

Read in English.

John Ambrogio, raġel ta’ 69 sena u li għal 30 sena ħadem fl-industrija tal-IT, ħass li wara li jirtira jkompli jeċċella f’dak li jħobb, id-digital imaging.

Fi żmien li kien imexxi l-kumpanji tal-IT, huwa kien jinkoraġġixxi lill-ħaddieħor ikompli jistudja, kemm jista’ jkun materji kreattivi, “għax fl-industrija kien jinħass in-nuqqas ta’ soft skills”.

Il-parir li ta lil ħaddieħor segwih huwa stess hekk kif malli rtira, fl-età ta’ 66 sena, kompla jistudja l-Arti Diġitali f’livell ta’ Masters u bbenefika mill-iskema Endeavour.

Ma’ Newsbook.com.mt Ambrogio qal li kienet tkun iktar diffiċli għalih kieku ma kienx hemm dawn il-fondi, għax fi kliemu l-kors jiswa l-flus. Semma li kellu wkoll bżonn jinvesti f’apparat u spejjeż għall-esebizzjoni.

Issa ladarba spiċċa l-istudju l-pjanijiet tiegħu huma li jkompli jirriċerka indipendentament il-preservazzjoni diġitali. Semma kif qed jintilef materjal li huwa wirt bħal kultura u l-arti li għalkemm qed isiru mhux jiġu priservati b’mod strutturat u skont l-istandards internazzjonali.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Ambrogio wara l-laqgħa li saret din il-ġimgħa bejn is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia u tlieta mill-benefiċċjarji tal-iskema tal-Endeavour li bis-saħħa tagħha setgħu jkomplu jsegwu l-ħolm tagħhom.