Filmat: Ta’ 62 sena jrid jaqsam il-Ġappun bir-rota

Wieħed miċ-ċiklisti li f'Settembru li ġej se jagħmel il-LifeCycle Challenge hu William Saliba li għandu 62 sena.
Għal William din se tkun it-tmien maratona tal-LifeCycle u kull sena, l-aktar ħaġa importanti li jipprova jżomm f'moħħu hi li ma jistax jaqa' minn fuq ir-rota.
Minkejja li ċ-ċiklisti bħalissa għaddejjin bla waqfien bit-taħriġ għall-maratona, laqgħu bi ħġarahom l-istedina għal laqgħa mal-Arċisqof Pawlu Cremona fil-Kurja.
Iċ-ċiklisti tkellmu mal-Arċisqof fuq l-isfidi differenti li qed jistennew, fosthom dwar l-itwal rotta li hi twila 271km u mistennija jdumu 14-il siegħa biex ilestuha kollha.
Ma' Newsbook.com.mt, il-kelliema tal-Lifecycle Vanessa Macdonald qalet li l-ikbar sfida hi li fuq ordnijiet tal-awtoritajiet Ġappuniżi, iċ-ċiklisti jridu jsuqu wara xulxin u mingħajr ma jisimgħu mużika f'widnejhom.
Iċ-ċiklisti għalhekk se jsibuha diffiċli biex iżommu lilhom infushom imqajmin għal tul ta’ ħin.
Il-flus miġbura se jmorru għar-Renal Unit f'Mater Dei, li din is-sena għamlu talba speċjali għal magna li taħdem 24 siegħa kuljum. 
Qabel ma telqu, l-Arċisqof għamel talba speċjali u bierek liċ-ċiklisti.

Filmat: Reel8 Productions
Ritratt: Photocity Valletta