Filmat: Ta’ 4 snin ikanta lil oħtu li mietet ta’ 4 xhur

Tifel ta’ erba’ snin iddeċieda li jkanta kanzunetta lil oħtu tarbija li mietet ta’ erba’ xhur u li kieku għadha ħajja, kienu qed jiċċelebraw għeluq is-sena tagħha.
Alexander, qabad il-kitarra li għandu bħala ġugarell u beda jkanta quddiem inkwatru bir-ritratt ta’ oħtu Ava, li hemm f’rokna fid-dar iddedikata proprjament għaliha.
Huwa kanta biċċa minn Remember Me mill-film ġdid ta’ Disney Pixar, Coco.
Il-film, li huwa dwar tifel żgħir li jiltaqa’ mal-qraba mejta tiegħu, fl-Art tal-Mejtin, kien ta’ komfort kbir għall-familja fl-aħħar xhur.
Kull filgħaxija qabel jidħol jorqod, Alexander  jitfa’ bewsa lil oħtu. It-tifel, ilu għal dawn l-aħħar xhur jipprova jifhem u jemmen li oħtu m’għadhiex magħhom. Ava kienet twieldet b'kundizzjoni severa.
Il-filmat tat-tifel ikanta dar il-mezzi soċjali u f’temp ta’ ftit jiem rawh aktar minn miljun darba. 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=Kb5I92rHZS4]