Filmat: Ta’ 15-il sena assedjata minn irġiel Maltin

Tfajla barranija ta’ ħmistax-il sena li kienet sabet ruħha tgħix Malta waħidha, ġiet assedjata minn għadd ta’ rġiel Maltin fuq il-profil tagħha ta’ Facebook.
Newsbook.com.mt tkellem ma' din it-tfajla permezz ta' video call fejn irrakkontat l-esperjenza tagħha f’pajjiżna. Bagħtitilna numru mhux ħażin ta’ screenshots u tlabna aċċess għall-profil tagħha biex jiġu vverifikati dawn iċ-chats.
Kim* tgħid li f’temp ta’ ftit sigħat wara li fetħet it-tieni profil tagħha,  irċeviet numru sostanzjali ta’ friend requests. "Ġieli sibt 30 request wara li kont niġi lura mill-iskola. Kont inkun għadni kemm iċċekjajt Facebook filgħodu biex nikkomunika mal-familja tiegħi," qalet Kim. 
Fost dawn it-talbiet sibna diversi profili li hu mifhum li huma fittizji. Dawn kellhom ħafna ħbieb u ritratti ta’ tfajliet ta’ età żgħira.
It-tfajla rċeviet numru ta’ messaġġi privati wkoll. Għall-bidu bdiet tweġbihom. “Iżda wara li rrealizzajt x’intenzjoni kellhom, waqaft,” qalet Kim.
L-aktar fatt li jiġbed l-attenzjoni huwa li għalkemm Kim qatt ma gidbet dwar kemm għandha età, kważi l-irġiel kollha ppruvaw jiltaqgħu magħha. Hi dejjem qalet li qiegħda Malta biex titgħallem il-lingwa Ingliża u li ma għandhiex ħbieb hawnhekk.
L-età tal-irġiel, li għamlu kuntatt ma’ Kim, tvarja minn 16 sa 62 sena.
Uħud offrewlha l-flus biex tittoppja l-kont tal-mowbajl kull meta damet ma wieġbet il-messaġġi għax kienu spiċċawlha l-flus.
Raġel partikolari, li kien sejjer festa mal-familja tiegħu, kien lest li jħassar il-ħarġa biex jiltaqa’ ma’ din it-tfajla.
Fatt ieħor juri li għadd ta’ ‘ħbieb’ kellhom ħbieb komuni ma’ Kim. Dan jista’ jfisser li hawn ‘klikek’ ta’ rġiel li qed ikunu fuq Facebook għal skopijiet illeċti.
Kim ma rċeviet ebda friend request mingħand persuni femminili.
Fost dawn l-irġiel Newsbook.com.mt sab uħud li kitbu li huma membri tal-Korp tal-Pulizija, suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, segretarji privati f'Ministeri, uffiċjali ta’ kumpanija privata tas-sigurtà, kok, kunsilliera lokali, footballers u infermier. Fil-maġġoranza tal-każi, ir-ritratti inklużi fil-profili tagħhom jikkonfermaw il-professjoni jew il-kariga miktuba.
Għalkemm il-komunikazzjoni diġitali issa ilha magħna għal bosta snin, in-numru ta’ persuni li lesti li japprofittaw mis-sitwazzjoni huwa kbir. Dan minkejja li l-awtoritajiet ħolqu kuxjenza dwar l-abbużi li persuni ta’ età vulnerabbli jistgħu jsibu ma’ wiċċhom.
Newsbook.com.mt għatta l-ismijiet u r-ritratti ta’ dawn l-irġiel b’rispett lejn il-qraba tagħhom.
 
*isem it-tfajla mibdul.