Filmat: Ta’ 10 snin jixtieq kelb gwida jurih it-triq

Samuel, li għandu 10 snin u tilef id-dawl t'għajnejh, jixtieq kelb gwida biex jgħinu jimxi fejn ikun hemm l-affarijiet fin-nofs.
Tkellem ma' Newsbook.com.mt, u għalkemm għadu żgħir u b'hekk ma jistax ikollu kelb li jigwidah għalissa, wera x-xewqa li jkollu kelb gwida, ma jdumx.  

Ma' Newsbook.com.mt, tkellmet ukoll Fiona Picton, persuna li trabbi l-ġriewi li 'l quddiem jiġu mħarrġa biex ikunu klieb gwida għall-persuna neqsin mid-dawl.
Spjegat kemm hu importanti li klieb bħal dawn jitgħallmu kif iġibu ruħhom fit-triq u f'postijiet fejn ikun hemm ħafna nies u annimali oħra.
Dan jagħmluh sabiex meta jingħataw lill-persuni bħal Samuel, il-klieb kemm jista jkun jagħmlu xogħolhom u ma jitilfux il-konċentrazzjoni minħabba dak li jkun għaddej madwarhom. 
Saħqet fuq kemm hu importanti li n-nies ma jieqfux jilgħabu mal-klieb gwida għax ikunu qed itellfuhom. 
Filfatt, sabiex jikber l-għarfien, u tingħata aktar importanza lil dan is-servizz tal-klieb gwida, nhar is-Sibt li ġej se ssir laqgħa informattiva.
Il-Malta Guide Dog Foundation qed tistieden lill-pubbliku biex jattendi u jipparteċipa fid-diskussjonijiet. 
Min jixtieq iktar informazzjoni dwar il-laqgħa jista' jċempel fuq 99884941/21446678 jew jibgħat imejl fuq mgdf.supgroup@gmail.com. 

Filmat: Reel8 Productions