Filmat: “Swat, għajjat u tkissir quddiem il-Qorti”

Mara nqabdet fuq filmat tagredixxi, ssawwat u saħansitra tkisser mowbajl ta’ attivista li ma’ attivisti oħrajn kienet tinsab quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir.

L-attivisti ta’ Repubblika spjegaw li llum wara nofsinhar, grupp ta’ persuni nġabru quddiem l-istess monument jgħajjtu u jheddu numru t’attivisti li kienu qed jipprotestaw b’mod paċifiku billi jqiegħdu fjuri u xemgħat quddiem il-monument sabiex ifakkru l-memorja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Skont l-istqarrija, f’ħin minnhom, żewġ persuni sawwtu waħda minn dawk li kienu qed jipprotestaw, tajjrulha l-mowbajl minn idejha u sabbtuh mal-art, bil-konsegwenza li kissruh. Dwar dan sar rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta. Fl-istqarrija ġie spjegat li waħda miż-żewġ persuni tidher fil-filmat miġbud, filwaqt li wara l-mowbajl inħataf persuna oħra li kien magħha u kissru.

Repubblika kkundannat bla riserva l-vjolenza, is-swat, it-theddid u t-tgħajjir ta’ persuni li ma jittollerawx protesta paċifika “għax hi fuq xi ħaġa li ma jaqblux magħha”. Sostniet li din issa saret drawwa ta’ kuljum minn persuni li skontha huma “koordinati u mibgħuta biex jintimidaw lil dawk li qed jipprotestaw”.