Filmat: Studenti Maltin jiġru mil fuq Good Morning Britain

L-istudenti tal-iskola Primarja tal-Qrendi kienu parti mill-programm ta’ Good Morning Britain nhar it-Tnejn li għadda, sabiex juru lid-dinja li dak li qed jagħmlu biex iżommu lilhom infushom attivi fiżikament.
L-iskola tal-Qrendi tagħmel parti minn 6,000 skola oħra madwar id-dinja kollha li addottaw dan l-eżerċizzju ta’ kuljum bl-isem ta’ ‘Mil kuljum’ jew ‘A Mile a Day’, li beda minn skola waħda fir-Renju Unit.
L-eżerċizzju, li bdietu Kap tal-Iskola fir-Renju Unit, Elaine Whiley, huwa totalment inklussiv, hekk kif ma jirrikjedix l-ebda tip ta’ żoni tal-isport, jew tgħamir apposta għall-eżerċizzji fiżiċi.
Alissa, studenta fl-iskola tal-Qrendi tkellmet mal-preżentattriċi tal-programm li ġiet Malta apposta, u spjegat kif tiddejjaq tagħmel ġranet sħaħ bilqeda fil-klassi u għalhekk, dan it-tip ta’ eżerċizzju sar għaliha mezz kif tiltaqa’ u tqatta’ ftit ħin ma’ sħabha barra mill-klassi.
Mark, student ieħor tal-istess skola spjega li l-attività hija xi ħaġa li jieħu pjaċir jagħmel speċjalment għax ikun jista’ jikkompeti ma’ sħabu u jżomm lilu nnifsu attiv.
Jeremy Fenech, għalliem tal-edukazzjoni fiżika fl-istess skola, li kien dak li beda dan l-eżerċizzju lokalment, spjega li f’Malta hawn problema kbira ta’ obeżità, li t-tfal jridu jitgħallmu jirribattu minn meta jkunu żgħar.
Illum il-ġurnata, 2,400 skola fir-Renju Unit, u madwar 3,600 skola madwar id-dinja qed tagħmel dan it-tip ta’ eżerċizzju għat-tfal kuljum. 
F’messaġġ fuq Facebook, is-Segretarja Parlamentari għar-Riforma, Julia Farrugia Portelli spjegat li tinsab kburija bl-iskola tal-Qrendi qed tagħti eżempju lil skejjel oħra biex jieħdu aktar bis-serjetà l-eżerċizzju fiżiku.