Filmat: Studenti Għawdxin ikantaw fl-ewwel ġurnata tal-iskola

It's so good to be back #happyschoolforever

Posted by Lelio Spiteri on Wednesday, September 26, 2018

Tfal Għawdxin li jattendu l-Iskola Primarja tar-Rabat, magħrufa wkoll bħala l-Happy School bdew l-ewwel ġurnata tagħhom tas-sena skolastika l-ġdida bil-kant ta’ kanzunetta fil-bitħa tal-iskola.

Il-Kap tal-Iskola, Lelio Spiteri tella’ l-filmat fuq Facebook fejn bosta studenti jidhru jiżfnu u jkantaw flimkien il-kanzunetta “I Will Sing Your Praises”. Spiteri jidher fil-filmat jinkoraġġixxi lill-istudenti biex jipparteċipaw f’din l-attività ferriħijja.

Dan propju qabel ma bdew il-ħidma għal sena skolastika ġdida fl-iskola magħrufa għall-attivitajiet tat-tip u għall-enfażi li tagħmel fuq l-importanza li skejjel għandhom jagħmlu minn kollox biex it-tfal jinżammu kuntenti u attivi biex jibbenefikaw aktar miż-żmien edukattiv tagħhom.

Madwar 60,000 student madwar Malta u Għawdex ħejjew triqithom għall-ewwel ġurnata tas-sena skolastika lbieraħ. Dan ġie kkonfermat fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. Minn dawn l-istudenti, 8,731 se jattendu l-kindergarten, 25,860 qed jattendu skejjel primarji, filwaqt li 20,939 qed jattendu skejjel medji u sekondarji.