Filmat: Studenta twaqqaf raġel milli jittieħed f’pajjiżu

Elin Ersson, studenta Svediża li skont il-profil ta’ Facebook tgħix Gothenburg, rnexillha twaqqaf id-deportazzjoni ta’ raġel mill-Afghanistan lura lejn pajjiżu. Ir-raġel ta’ 52 sena huwa wieħed minn dawk li fittxew l-ażil fl-Isvezja.

Skont rapporti li dehru fil-ġurnali Svediżi, Ersson xtrat biljet lejn it-Turkija wara li saret taf li raġel mill-Afghanistan kien se jiġi deportat lura.

Fil-filmat li nġibed live minnha stess, jinstemma raġel mill-kru tal-ajruplan li talabha biex tpoġġi bil-qegħda u titfi l-kamera. Hi fakkritu li mhi tagħmel xejn ħażin talli qegħda bilwieqfa u fakkritu wkoll li l-bdot għandu s-setgħa jgħid li l-persuna se tiġi deportata ma għandiex dritt ikun fuq dik it-titjira jekk il-persuna tkun f’riskju li titlef ħajjitha. Barra minn hekk, ajruplan ma jistax itir jekk jkun hemm passiġġieri bilwieqfa.

Il-passiġġieri l-oħra kellhom reazzjonijiet varji, kien hemm min għajjat magħha u qalilha biex tpoġġi u fakkarha li se jaslu tard. Hi wieġbitu ‘Jien jiddispjaċini li raġel se jmut u intom iktar inkwetati li se titilfu t-titjira.’

Hi insistit diversi drabi li mhux se tpoġġi qabel ir-raġel ma jitniżżel minn fuq it-titjira. L-awtoritajiet ma użawx forza fuq Ersson.

Ħin minnhom fl-isfond jinstema Tork jispjega x’inhi tagħmel. Huwa jgħid “l-aħwa aħna l-istess naħsbuha. Li din qed tagħmel huwa biex ma jiddeportawhx lura, bla sens li jerġa’ jintbgħat lura.” Huwa wera lil Ersson l-appoġġ tiegħu. Ħin minnhom uħud mill-passiġġiera l-oħra ċapċpulha filwaqt żewġ timijiet tal-futbol li kienu fuq wara tal-ajruplan ukoll qamu bilwieqfa.

L-Afghani tniżżel minn fuq it-titjira u ma ġiex deportat. Hemmhekk il-passiġġieri l-oħra bdew iċapċpu.

Il-bdoti ma jistgħux jżommu persuni fuq titjira li huma hemm kontra r-rieda tagħhom jew inkella li huma unfit biex isifru. Il-bdott huwa l-persuna li jiddeċidi jekk persuna hux se ssiefer jew le.