FILMAT: Strateġija għal pastorali integrata dwar il-familja b’aċċenn fuq id-diversi forom ta’ familja

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja se tkun qed taħdem fuq strateġija għal pastorali integrata li fost l-oħrajn se tinkludi fiha aċċenn għad-diversi forom ta’ familja li jeżistu llum. Dan ħareġ waqt l-ewwel workshop li sar il-Ġimgħa filgħaxija bis-sehem ta’ mitt persuna li jaħdmu mal-familji Maltin fuq bażi djoċesana u li jifformaw parti mill-kummissjonijiet parrokkjali għall-familji. Attenda wkoll l-Arċisqof Pawlu Cremona.

Filwaqt li l-Kummissjoni Djoċedana Familja tibqa’ tisħaq li l-familja hija ċellola bażika tas-soċjeta’ jrid jiġi rikonoxxut li r-realtajiet tal-lum qed jinbidlu.

Newsbook tkellem mal-Presidenta tal-Kummissjoni Djoċesana Familja Dr Rita Borg Xuereb li flimkien ma żewġha Joseph mexxew dan il-workshop dwar il-familja.

It-temi tal-workshop kienu jinkludu fost l-oħrajn l-aspett ta’ formazzjoni għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-familja kif ukoll dwar l-importanza li l-knisja issir taf aktar lill-familji u l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Dr Rita Borg Xuereb semmiet kif dan il-workshop huwa biss il-bidu ta’ sensiela ta’ laqgħat li jridu jsiru sabiex il-knisja tifhem dejjem aħjar kif qed jevolvu l-familji tal-lum. Hija qalet li wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix il-forom differenti ta’ familji li jeżistu llum.

L-istrateġija integrata tal-Kummissjoni dwar il-familja għandha titlesta sa tmiem din is-sena.