Filmat: Statwa ġdida f’Ħ’Attard fil-125 anniversarju

Fil-festa ta’ Ħ’Attard ta’ din is-sena se tiġi inawgurata statwa ġdida ta’ Santa Marija għall-festa esterna. L-istatwa nħadmet mill-artist Għawdxi Michael Cutajar Zahra u se tkun waħda minn ħafna inizjattivi mis-Soċjetà Muzikali La Stella Levantina f’għeluq il-125 sena mit-twaqqif tagħha.

Fil-festa, li tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu, se jiżżanżan ukoll standard komemorattiv irrakmat flimkien ma’ oġġetti komemorattivi oħra fosthom ħarġa speċjali tal-ktieb tal-festa. Dan kollu jifforma parti minn programm ta’ attivitajiet li ħejja l-Kumitat tas-Soċjetà Mużikali f’din l-okkażjoni li jilħaq il-qofol tiegħu fi żmien il-festa. Fost l-attivitajiet prinċipali hemm dik tat-12 ta’ Awwissu fejn reġgħet ġiet mistiedna, wara nuqqas ta’ snin, il-Banda King’s Own tal-Belt Valletta li għandha rabtiet storiċi mas-Soċjetà Mużikali ta’ Ħ’Attard.

L-għada t-13 ta’ Awwissu l-Associazione Culturale Musicale Gelese “Francesco Renda”, li hija banda minn Gela fi Sqallija, se takkumpanja lill-banda lokali fl-ewwel dimostrazzjoni tal-istatwa l-ġdida. Lejlet Santa Marija, il-banda minn Gela ser iddoqq marċi Sqallin fit-Transulazzjoni Solenni. Nhar Santa Marija l-istess banda se ttella’ programm mużikali u wara l-purċissjoni se tagħlaq il-festa ta’ din is-sena billi tingħaqad f’marċ mal-Banda Santa Marija.

Is-Soċjetà La Stella Levantina bdiet il-ħidma tagħha fl-1894 bl-għajnuna tal-Kappillan Dun Karm Azzopardi u tal-artist u dekoratur Seraċin Mastru Karmenu Debono. Sa mill-bidu tagħha s-Soċjetà ħadmet ħafna għall-festa ta’ Ħ’Attard  fosthom bl-armar tal-festa kif ukoll bil-pedestall tal-vara titulari ta’ Santa Marija. Fl-1987 twaqqfet ukoll il-Banda Santa Marija fi ħdan l-istess Soċjetà.