Filmat: Stati Uniti: Assad jixbaħ lil Hitler u Saddam

Waqt l-aħħar intervista tiegħu, is-Segretarju tal-Istati Uniti John Kerry qabbel lill-President Sirjan Bashir al-Assad ma’ Adolf Hitler u Saddam Hussein.

Dan għaliex fi kliemu, dawn it-tliet mexxejja qaltu lil nieshom stess b’armi kimiċi.

Saħaq li għandu fiduċja li l-Kungress Amerikan se jivvota favur li l-Istati Uniti tuża l-forza fis-Sirja.

Kerry qal li skont il-kampjuni li nġabru fil-21 ta’ Awwissu li għadda, jirriżulta li huwa minnu li s-Sirja użat il-gass sarin biex twieġeb lura għall-attakki fil-lvant ta’ Damasku.

L-għada li l-President tal-Istati Uniti Barack Obama talab lill-Kungress biex jivvota favur attakki fis-Sirja, il-Viċi Prim Ministru Sirjan Qadri Jamil, qal li s-Sirja se tibqa’ b’seba’ mitt għajn u saħaq li għandu fiduċja sħiħa fl-alleati tal-pajjiż.

Min-naħa l-oħra, il-President Bashar al-Assad qal li s–Sirja kapaċi tiġġieled kull attakk u se timxi mal-prinċipju tagħha, dak li tiġġieled it-terroriżmu li qed ikun imħeġġeġ minn bosta pajjiżi tal-punent fosthom bħall-Istati Uniti.