Filmat: “Stampa ta’ lejl sajfi, mixgħul b’ħafna dawl qawwi” – Enya

Lura f’Mejju 2019, l-artista magħrufa għall-parteċipazzjoni fiż-Zecchino d’Oro, Enya Magri għamlet id-debutt tagħha fl-industrija tal-mużika lokali bil-kanzunetta ta’ ġeneru pop modern, “Safe Haven” fuq lirika ta’ oħtha Jody Magri, u bi produzzjoni ta’ Cyprian Cassar.

Hija rċeviet diversi kummenti pożittivi u kienet ta’ suċċess mal-ewwel, tant hu hekk li waslet mal-aħjar 10 kanzunetti fuq diversi klassifiċi lokali.

Wara kampanja intensiva ta’ promozzjoni lejn l-aħħar tas-sajf, u f’nofs l-istudji għall-eżamijiet fil-livell avvanzat, Enya flimkien mat-tim tagħha ddeċiediet li tibda x-xogħol fuq il-kanzunetta li jmiss. Cyprian ipproduċa ħoss sajfi tal-widna fil-ġeneru pop filwaqt li Jody kitbet lirika pożittiva.

“We’re getting by, having the time of our lives… never felt like this before, seems like we almost have it all” tkanta Enya fit-tieni vers tal-kanzunetta, qabel taqleb għal ton aktar ta’ ispirazzjoni fir-ritornell “give it your all, give it your best”. Enya ssaqsi lis-semmiegħa tal-kanzunetta biex jagħlqu għajnejhom u jimmaġinaw ‘stampa ta’ lejl sajfi, mixgħul b’ħafna dawl qawwi’.

Enya ħadmet fuq vidjow mużikali flimkien ma’ Matthew Muscat Drago li jinkludi diversi extras u props, fil-limiti tal-Mellieħa, ftit ‘l fuq mit-Torri l-Aħmar.

Din l-informazzjoni twasslet minn Ironic Pr & Management.