Filmat: “Stadium bil-partitarji jgħolli mill-ġdid il-livell ta’ referee” – Alan Mario Sant

Alan Mario Sant. Ritratt: Joe Borg

Id-dilettanti tal-futbol, anke dawk lokali, qed jistennew bil-ħerqa l-awtoritajiet jerġgħu jagħtu aċċess sabiex il-partitarji jerġgħu jitħallew isegwu lit-tim favorit tagħhom, fiżikament minn ġewwa l-istadia differenti li għadna f’Malta. Kulħadd jitkellem dwar l-effett li ħalla l-COVID-19 fuq il-futbol, partikolarment dwar il-livell u l-kwalitá ta’ futbol li qed ikolna, anke għaliex f’Malta (bħal ħafna pajjiżi), il-partiti kollha qed jintlagħbu wara bibien magħluqa. Hemm min qed jgħid li l-pressjoni fuq dawn il-protagonisti tal-logħba naqset, iżda hemm min jargumenta l-fatt li mingħajr l-atmosfera ta’ partitarji, l-entużjażmu u l-adrenalina li kwalunkwé plejer ifittex li jkollu waqt partita, naqset bil-kbir u dan mhux qed jgħin biex naraw futbol tal-għola livell.

Madankollu l-maġġoranza qed jinsew jistaqsu dwar l-effett li dan il-fatt, ċioé li qed nilgħabu mingħajr partitarji u f’stadia kważi għal kollox vojta, qed ikollu fuq ir-referees. Inqas pressjoni jew le?

Alan Mario Sant, li llum hu eks referee tal-FIFA, u qed jokkupa l-kariga ta’ Chairman tar-Referees Committee tal-MFA, jemmen li stadium bil-partitarji, jgħolli mill-ġdid il-livell u l-prestazzjoni ta’ kwalunkwé referee, anke jekk dan il-fatt jerġa’ jibda jnissel pressjoni fuq ir-referees waqt il-partita.

Sant kien il-mistieden speċjali ta’ Christian Micallef, fl-intervista li saret nhar il-Ħadd li għadda, fir-rubrika ‘Replay Drive’ fil-programm Replay li jixxandar fuq Net Television. Sant wieġeb għad-domandi ta’ Micallef, inkluż dwar temi li huma kontroversjali u kurrenti fir-refereeing f’pajjiżna, fosthom jekk l-appointments tar-referees f’Malta, għandhomx jibdew jitħabbru fil-pubbliku minn qabel.

Segwi din l-intervista billi tagħfas fuq il-link t’hawn taħt:

Replay Drive ma' Alan Mario Sant (29 ta' Novembru 2020)

Replay Drive ma' Alan Mario Sant (29 ta' Novembru 2020)Karozza | SEAT Ibiza Ħajr speċjali lil Continental Cars Ltd.

Posted by Replay (Net Television) on Tuesday, December 1, 2020

Dan it-tagħrif twassal mit-tim ta’ Replay.