Filmat: Soru tbellah lil kulħadd fuq ir-RAI

Soru Taljana serqet il-qlub ta’ kulħadd wara li deheret fuq il-programm “The Voice” mxandar din il-ġimgħa fuq ir-RAI.  Soru Cristina li għandha 25 sena u tagħmel parti mis-sorijiet Ursolini, kantant il-kanzunetta “No one” ta’ Alicia Keys u ħalliet lil kulħadd b’ħalqu miftuħ.  Kienu s-Superjuri tagħha li ħajruha tmur The Voice.

Fil-programm il-ġurati jagħtu daharhom lill-parteċipanti  u jduru biss jekk togħġobhom il-vuċi.  Malli l-erba’ ġurati daru, baqgħu mistagħġba meta raw soru tkanta kanzunetta ta’ Alicia Keys. Staqsewha jekk hix soru ta’ vera u wieġbet:
“Dażgur li iva … jien qiegħda hawn għax għandi talent u nixtieq naqsmu magħkom.  Jien qiegħda hawn biex nevanġelizza.”  Il-ġurati huma l-kantanti Raffaella Carra, J-Ax, Noemi u Piero Pelù. 

Is-Soru kellha tagħżel ma’ liema ġurat tissieħeb fit-tim u għażlet lil J-Ax talli kien l-ewwel wieħed li dar biex jara ta’ min hi l-vuċi.  
Meta Raffaella Carra staqsietha min jaf x’se jgħidu dwarha fil-Vatikan, Suor Cristina qalet li minn ħin għall-ieħor qed tistenna telefonata mingħand il-Papa Franġisku.  

Minn età żgħira xtaqet issir kantanta u fl-2008 l-Ursolini organizzaw kunċert mużikali u Cristina spiċċat hemm b’kumbinazzjoni.  Dak iż-żmien Cristina kienet għaddejja minn żmien fejn ħaditha kontra l-Knisja iżda mal-Ursolini, spiċċat biex sabet l-imħabba ta’ Ġesù.