Filmat: Sorpriża sabiħa; Ilio jżur tifel f’Mater Dei

Tifel li ilu l-isptar aktar minn tliet ġimgħat kellu viżitatur speċjali ħafna.

Andrew, li jmur l-iskola ta’ San Andrea, kellu tbissima kbira fuq fommu meta lemaħ l-ħabib tal-qalb tiegħu Ilio, li huwa l-Service Dog tal-iskola, gie jarah.

“Qed nara ‘l Ilio!” Andrew instema’ jgħid bil-ferħ hekk kif ra l-kelb.

Meta tkellmet ma’ Newsbook.com.mt, Stephanie Theuma minn Service Dogs Malta qalet, “Kull filgħodu Ilio u jien nistennew biex Andrew jieħu ‘l Ilio ġewwa l-iskola. Hemm rabta speċjali bejniethom. Meta Andrew daħal fl-isptar, hu ried li Ilio jmur jarah. Ommu riedet twettaq din ix-xewqa tiegħu u, wara ħafna għajnuna minn ħafna nies, irnexxielha tikseb permess biex Ilio seta’ jżur l-isptar. Grazzi lil dawk kollha li għenu biex ix-xewqa tiegħu saret realtà.”

Aktar informazzjoni dwar is-Service Dogs Malta Foundation tinstab fuq il-paġna tal-Facebook jew is-sit tagħhom.