Filmat: Sorijiet ikkuluriti jiżfnu fil-kunvent tal-patrijiet

Mużika, żfin, kuluri, ferħ u briju spikkaw fil-kurituri twal u mimlija opri artistiċi tal-kunvent tal-patrijiet Agostinjani fir-Rabat.
Is-sitt żgħażagħ li jiffurmaw il-band Maltija The Travellers, ħadmu l-vidjow tad-diska l-ġdida tagħhom, “Ħafi Paċi Kuluri,” f’dan il-kunvent.
Din id-diska se tkun parti mill-album ġdid li The Travellers qed jaħdmu fuqu wara s-suċċess tad-diski “Sempliċità,” “Dak li int” u “Xemx u Xita.”
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Clayton Bonello, membru ta’ The Travellers, li spjega l-kunċett tad-diska li fi ftit kliem titkellem dwar kif wieħed jista’ jsib il-kuntentizza fl-affarijiet sempliċi u ordinarji ta’ kuljum.
“Il-kuntentizza ma tinxtarax bil-flus. Warajha ma hemmx prezz,” qal Clayton u dan hu l-messaġġ li ż-żgħażagħ jixtiequ jwasslu.
Dwar l-għażla tal-kunvent għall-vidjow tad-diska, Bonello qal li aviċinaw lis-sorijiet Agostinjani għax xtaqu li jesprimu s-sempliċità tal-ħajja li jgħixu u l-kuntentizza li jsibu fl-affarijiet ta’ kuljum.
Bonello qal li l-patrijiet Agostinjani ħadu gost ħafna bl-idea u laqgħu lill-band b’idejhom miftuħa, tant li ż-żgħażagħ qattgħu ġurnata magħhom jiffilmjaw il-vidjow f’diversi kmamar tal-kunvent u tal-knisja ta’ San Mark.
Patri David Cortis O.S.A, il-Pirjol tal-komunità Agostinjana tar-Rabat qal li kienet esperjenza sabiħa ħafna kemm għall-patrijiet u anke għall-grupp.
Saħaq li l-komunità kuntenta ħafna bil-vidjow għax jagħti stampa sabiħa ta’ postijiet bħal dawn li fi kliemu mhumiex postijiet tad-dwejjaq imma huma mimlija ferħ.
The Travellers huma magħrufa mhux biss għall-melodiji ferriħija tagħhom imma wkoll għal fatt li d-diski tagħhom huma bil-Malti. Fil-fatt l-album ġdid se jkun kollu kemm hu bil-Malti.
 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=WFjZDle8gkM]