Filmat: Sorijiet fi kwarantina: x’qed jagħmlu fil-kunvent?

Tikkomunika mas-sorijiet b’WhatsApp

Read in English.

“Qegħda kwarantina u miegħi s-sorijiet kollha tal-kunvent. Jiena qegħda msakkra bejn l-erba’ ħitan ta’ kamarti iżda qed inkompli bil-ħidma tiegħi grazzi għat-teknoloġija.  Bil-WhatsApp nikkomunika mas-sorijiet sħabi fis-sular t’isfel”.

Hekk qalet ma’ Newsbook.com.mt Sr Rachel Frendo, Superjura Provinċjali tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesù u Marija li toqgħod fil-kunvent tas-sorijiet fi Fleur de Lys.

15-il soru kwarantina

“Kollox beda meta tħabbar li  Franza żdiedet mal-pajjiżi li dawk li ġejjin minnhom kellhom joqogħdu kwarantina”, spjegat Sr Rachel.

“U miegħi kellhom joqogħdu kwarantina s-sorijiet kollha tal-kunvent”, żiedet tgħid is-Superjura Provinċjali. Fil-fatt kwarantina fil-kunvent hemm 15-il soru.

“Jien imsakkra fil-kamra, iġibuli l-ikel li jħalluh wara l-bieb u noħroġ niġbru”.

“Allura int fil-kamra u s-sorijiet jagħmlu li jridu?” staqsa Newsbook.com.mt b’nofs ċajta.

Sr Rachel tbissmet.  

“Aħna b’responsabbiltà kbira ħassejna li kellna ninqaflu ġewwa biex ma nkunux ta’ periklu għal dawk li normalment jiltaqgħu magħna inkluż l-istudenti tfajliet fl-iskola li mmexxu.”

Is-sorijiet li qegħdin kwarantina fil-kunvent il-ħin kollu għaddejjin bix-xogħol tagħhom. Ħafna ħaduha b’barka biex setgħu jlaħħqu ma’ xogħol li kellhom u li kien waqa’ lura.

“Tajjeb tikkalma ftit”

Sr Rachel,  saħqet li hemm aspetti pożittivi f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Apparti t-tindifa ġenerali lid-dar kollha kellhom iċ-ċans għal aktar ħin ta’ riflessjoni.

“Li tikkalma naqra tgħin anke għall-ħajja spiritwali… Milli naħżnu nistgħu nagħtu,” qalet Sr Rachel.

“F’mumenti bħal dawn fejn dak li konna mdorrijin nagħmlu mingħajr ħafna ħsieb, dak li konna naħsbu li hu indispensabbli, nibdew inpoġġuh f’dubju. Ir-rutini tagħna ta’ kuljum huma wisq? Il-mument li nieqfu, naħsbu li qed naħlu l-ħin u mhux nistrieħu. Tal-anqas il-coronavirus qiegħed jgħinna nirriflettu dwar kif qed ngħixu ħajjitna”, temmet tgħid Sr Rachel.

Min huma s-Sorijiet Agostinjani?

Il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesù u Marija, twieldet fi Frosinone l-Italja fl-1827 mill-Venerabbli Maria Teresa Spinelli. Wara aktar minn 60 sena, bis-saħħa tal-Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Mons. Pietru Pace, il-Kongregazzjoni waslet Malta u fis-6 ta’ Awwissu tal-1894 ġiet inawgurata l-ewwel dar f’Ħal Qormi u fl-10 ta’ Ottubru tal-istess sena nfetħet l-ewwel skola għaż-żgħar.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-Agostinjani nfirxu f’sitt lokalitajiet f’Malta u waħda f’Għawdex.  Fost id-diversi ħidmiet pastorali li jwettqu, huma responsabbli tal-iskejjel ta’ Santa Monika, fil-Mosta, Birkirkara u l-Gżira.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn