Filmat: “It-tifel beda jsawwat” – għalliema; “Għajtet ma’ ibni bl-awtiżmu” – omm

Il-każ tal-omm li qalet fuq il-midja soċjali li LSE “għajtet b’ħanġra daqsiex” ma’ binha bl-awtiżmu qajjem bosta reazzjonijiet fosthom dik ta’ għalliema li sostniet ma’ Newsbook.com.mt li kienet xhud tal-każ.

Filwaqt li l-omm partikolari qalet li qabdet lil-LSE li tkun ma’ binha fil-ħin tal-Breakfast Club tgħajjat u xxejjer subajgħha f’wiċċ binha għax beda jwaddab l-affarijiet, l-għalliema sostniet li l-LSE kkoreġiet lit-tifel għax dan beda jsawwat lit-tfal fil-klassi tiegħu u anke lil-LSE stess. Intant, omm oħra li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt għax kienet xhud dakinhar ikkonfermat ukoll li l-LSE kienet biss qed tipprova tipproteġi lit-tfal l-oħra.

“Smajt LSE tgħajjat b’ħanxra daqsiex ma’ ibni bl-awtiżmu”

Omm li ta’ kuljum tieħu lil binha li għandu l-awtiżmu għall-Breakfast Club qabel ma tibda l-ġurnata tal-iskola rrakuntat l-esperjenza tagħha fejn l-LSE li tkun ma binha filgħodu qabdet “tgħajjat b’ħanxra daqsiex” ma’ binha għax beda jwaddab l-affarijiet.

F’filmat imxerred fuq Facebook, omm Diego, Sefora Tabone rrimarkat li nhar il-Ġimgħa wasslet lil binha sal-klassi tal-breakfast club fejn ħallietu mal-LSE li tkun miegħu f’dan il-ħin partikolari. Spjegat li hi u ħierġa mill-iskola ltaqgħet mal-LSE li tkun ma’ binha matul il-ġurnata u waqfet tkellimha. Kien hemm li semgħet ħafna għajjat ġej mill-klassi ta’ fejn kien qiegħed binha.

Tabone kompliet tgħid li hi marret tittawwal fil-klassi fejn rat lil binha bilqiegħda fuq siġġu, fil-kantuniera tal-klassi, wiċċu mal-ħajt jibki u jolfoq. Qalet li hemm rat lil-LSE tgħajjat u tħanxar filwaqt li xxejjer subgħajha f’wiċċ it-tifel. Insistiet li għamlet dan minflok ippruvat tikkalmah sabiex is-sitwazzjoni ma teskalax.

L-omm qalet li mbagħad daħlet għal binha fil-klass, qaltlu biex jiġbor l-affarijiet li kien waddab mal-art u ħarġitu barra fejn ikkalmatu hi stess. L-LSE, skont l-omm, ħarġet warajha u kien hawn li l-omm qaltilha li meta jkollok tifel bl-awtiżmu, jekk tridu jikkalma ma tistax tirreaġixxi miegħu b’dak il-mod. L-omm irrimarkat li l-LSE kienet arroganti magħha u qaltilha li għandha ħafna aktar esperjenza minnha fix-xogħol.

“Ġbidt l-attenzjoni tal-kap tal-iskola”

L-omm kompliet tirrakonta kif wara dan il-każ, tkellmet mal-kap tal-iskola fejn mingħajr ma ressqet ħafna akkużi, talbet sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-LSE partikolari.

Wara li sar hekk, propju llum, l-omm li marret twassal lit-tifel tagħha bħas-soltu sabet siġġu f’nofs il-kuritur sabiex il-ġenituri ma jibgħux deħlin fil-klassi mat-tfal. L-omm irrifjutat li ssegwi din l-istruzzjoni hekk kif ħasset li jekk tibdel ir-rutina ta’ binha bl-awtiżmu fl-aħħar xahar kienet se toħloqlu saram mhux neċessarju. Għaldaqstant, wasslitu sal-klassi fejn saret taf li l-għalliema kienu rċevew ċirkulari li talbithom sabiex il-ġenituri ma jitħallewx jidħlu lejn il-klassijiet. Intant, f’risposta għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministeru għall-Edukazzjoni sostna li l-ebda ċirkulari ma ntbagħtet fost l-għalliema tal-Breakfast Club sabiex il-ġenituri ma jitħallewx jidħlu fil-klassi.

Intant, għalliema li qalet li kienet xhud tal-każ, sostniet li l-omm iddeċidiet li tinjora sitt edukaturi li qalulha li ma setgħetx tidħol fil-klassi u din iddeċidiet li tinjorahom u tidħol fil-klassi xorta waħda.

L-omm, irrabjata, tenniet li ma setgħetx tifhem għaliex wara li tkellmet hi, il-ġenituri mhux se jitħallew jidħlu viċin tal-klassijiet. Insistiet li dan kollu huwa attentat sabiex “ħadd ma jara u lanqas jisma’” dak li jiġri fil-klassijiet.

Il-kelliema għall-Ministeru sostniet li wara l-każ li seħħ l-Ġimgħa li għaddiet, il-kap tal-iskola ltaqa’ mal-ġenitur f’żewġ okkażjonijiet sabiex jassisti b’kull mod possibbli. Kompliet tgħid li f’każ li l-ġenituri jkollhom bżonn xi tip t’għajnuna, dawn għandhom jitkellmu mal-Kap tal-Iskola jew mal-Prinċipal tal-Kulleġġ li jinsabu disponibbli biex jassisstu.

L-MUT tiċħad li kien hemm trattament ħażin barra mill-parametri tax-xogħol

L-Union għall-Għalliema Maltin (MUT) sostniet li wara diskussjoni diretta mal-membru inkwistjoni, setgħet tiċħad li kien hemm trattament ħażin li seta’ kien ‘il barra mill-parametri tax-xogħol. L-Union qalet li mill-informazzjoni li għandha l-LSE aġixxiet b’mod professjonali fl-interess tal-istudenti f’ċirkostanza fejn it-tifel seta’ weġġa’ lil ħaddieħor, inkluż lil-LSE jew lilu nnifsu. Intant, l-MUT fakkret li l-ebda adult, inkluż ġenituri u gwardjani legali, ma jistgħu jidħlu fil-binja tal-iskola mingħajr permess.

Intant, l-MUT appellat għal aktar responsabbilità dabiex tfal ma jiġux esposti għal sitwazzjonijiet fejn professjonisti jħossuhom skomdi jaħdmu ma’ ċertu tfal għax jafu li kull ħaġa li tiġri lit-tifel jew tifla se tiġi mxandra fuq il-midja soċjali bl-aktar mod sensazzjonali. Il-Union rrikonoxxiet li l-edukaturi, inkluż LSEs, jagħmlu ħafna xogħol siewi mingħajr daqq tat-trombi u għandhom għal qalbhom lill-istudenti tagħhom. Ġie spjegat li jekk ikun hemm problemi u diskussjonijiet li hemm bżonn isiru bejn il-ġenituri u l-iskola, dawn għandhom ikunu indirizzati mal-kapijiet rispettivi u l-edukaturi skont il-proċeduri stabbiliti.