Filmat: Skola ġdida fil-Qawra sal-aħħar tas-sena

Il-Gvern qal li sal-aħħar tas-sena se tkun inbniet l-iskola Primarja ġdida fil-Qawra b’investiment ta’ €13-il miljun.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega li l-iskola primarja ġdida tal-Qawra la tkun lesta minn hawn u ftit xhur oħra, se tilqa’ madwar 500 student. Din l-iskola ġdida se tkun qed tikkumplimenta l-iskola ezistenti f’San Pawl il-Baħar li se tibqa’ topera. Apparti l-klassijiet li wieħed jistenna li jsib fi skola, f’din il-binja se jkun hemm ukoll kindergarten u ċentru għall-ħarsien tat-tfal.

L-iskola se jkollha 39 klassi, sala li tkun tista’ tintuża għal skopijiet differenti, u faċilitajiet sportivi kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa. Id-daqs tal-iskola kollha se jkun ta’ 9,500 metru kwadru u sabiex kemm is-sala kif ukoll il-faċilitajiet sportivi ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw mill-komunità wara l-ħin tal-iskola, dawn se jkollhom entraturi separati.

L-iskola se jkollha wkoll lifts biex tkun aċċessibli għal kulħadd. Taħt l-iskola hemm żewġ livelli ta’ parkeġġ għall-karozzi b’daqs ta’ aktar minn 15,000 metru kwadru u li se jkun jakkomoda madwar 400 karozza.

Il-Ministru Bonnici qal li dan l-investiment qed isir minħabba li iktar ma jgħaddi ż-żmien qed jiżdied l-għadd ta’ studenti f’din il-parti tal-pajjiż. Filwaqt li rringrazzja lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada tax-xogħol li sar huwa li l-Gvern ħass li jżid skola f’dawn l-inħawi għax l-edukazzjoni hija parti essenzjali minn ħajjitna.

Huwa qal li minkejja d-diffikultajiet minħabba l-Covid-19, il-ħaddiema tal-Fondazzjoni baqgħu għaddejjin bil-ħidma biex dawn il-proġetti essenzjali ma jiqfux.