Filmat: Skart tal-kostruzzjoni jinvadi l-baħar fil-Kalkara – PD

Filmat mibgħut lill-midja mill-Partit Demokratiku juri l-qiegħ tal-baħar fil-Kalkara miżgħud bl-iskart tal-kostruzzjoni. Fi stqarrija ffirmata mid-deputat mexxej tal-partit Timothy Alden, il-PD talab għal Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi aktar f’saħħitha li tenforza l-protezzjoni tal-ambjent u l-moniteraġġ tal-proġetti.

L-istqarrija tispjega kif il-permess tax-xogħol fuq l-Esplora (PA/04834/18) wassal sabiex l-iskart tal-kostruzzjoni jispiċċa f’qiegħ il-baħar. Il-Partit staqsa jekk b’dan l-aġir, it-termini tal-kuntratt ġewx miksura u għal liema raġuni kien ħareġ il-permess primarjament, speċjalment jekk dawn ma kellhomx proviżjonijiet li jipproteġu l-kosta. Sostna li minkejja li l-ERA naddfet l-iskart mormi illegalment fuq l-art, dak mormi fl-ilma baħar għadu hemm.

Il-kandidat għal Membru Parlamentari Ewropew Martin Cauchi Inglott qal li Malta qed issofri minn attitudni tal-cowboys fejn jidħol ir-rimi illegali ta’ skart u l-Partit Demokratiku kien dejjem minn ta’ quddiem jirrapporta l-illegalitajiet. Min-naħa tagħha, il-kandidata għal MEP Camilla Appelgren sostniet li l-ERA għandha tiġi pprovduta bir-riżorsi sabiex tkun tista’ ssegwi x-xogħol u tenforza l-parametri u l-limitazzjonijiet fil-permessi. Tenniet li l-awtorità għandha tingħata wkoll il-poter ta’ veto sabiex tipprevjeni deċiżjonijiet distruttivi min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar.