Filmat: ‘Sistemi ta’ kwoti importanti imma m’għandhomx ikunu l-għan aħħari’

Dr Kamal Lamichhane, professur fl-Università ta’ Tskukuba fil-Ġappun, qal li s-sistemi ta’ kwoti fuq ix-xogħol għal persuni b’diżabilità huma importanti imma m’għandhomx ikunu l-għan aħħari.

Ma’ Newsbook.com.mt Lamichhane qal li kulħadd għandu l-istorja tiegħu u li hu mhux xi eċċezzjoni. Lamichhane trabba f’Chitwan fin-Nepal. Meta kien żgħir kien ikollu joqgħod id-dar filwaqt li ħutu kienu jmorru l-iskola. Spjega li minħabba d-diżabilità viżwali tiegħu, ma setax jirċievi edukazzjoni sa ma kellu 12-il sena. Baqa’ jistinka sakemm akkwista PhD fl-Advanced Interdisciplinary Studies mill-Università ta’ Tokyo fil-Ġappun. Lamichhane qal li huwa l-ewwel persuna bid-diżabilità tiegħu li akkwista dottorat min-Nepal.

Illum il-ġurnata huwa associate professor fl-istudji tad-diżabilità u l-edukazzjoni fl-Università ta’ Tskukuba.

Spjega li għalissa sistema tal-kwoti hija important għal persuni b’diżabilità speċjalment fis-suq tax-xogħol peress li ħafna nies li jħaddmu ma jieħdux pjaċir jimpjegaw nies b’diżabilità. Qal li dan għaliex b’mod żbaljat jemmnu li mhumiex produttivi u li ma jistgħux jaħdmu daqs persuni mingħajr diżabilità. Qal li sistemi ta’ kwoti huma importanti għal perjodu ta’ żmien però saħaq li m’għandhomx ikunu l-mira finali.

M’hemmx bżonn kwoti jekk ikun hemm sistemi adegwati – Lamichhane 

“Persuni b’diżabilità u persuni mingħajr diżabilitajiet għandhom ikunu jistgħu jaħdmu flimkien jekk is-soċjetà titratthom b’mod ugwali,“ qal Lamichhane li żied jgħid li ma jkunx hemm bżonn sistemi ta’ kwoti jekk ikun hemm sistemi ta’ għajnuna raġonevoli u li jiġu indirizzati l-bżonnijiet tagħhom. Però, fil-fehma ta’ Lamichhane s-soċjetà u s-suq tax-xogħol għalissa għadhom mhux qed imorru f’dik id-direzzjoni.

Fil-fehma ta’ Lamichhane persuni b’diżabilità li huma kkwalifikati jistgħu jaħdmu daqs ħaddieħor u li għandu jkollhom l-istess drittijiet. Qal li jekk min iħaddem ma jifhimx il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità huwa diffiċli għalihom biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.

Żied jgħid li allura dan ifisser li l-kwoti huma neċessarji però li l-għan aħħari għandu jkun sitwazzjoni mingħajr diskriminazzjoni, trattament ugwali, u aċċess ugwali għall-opportunitajiet.

L-appell ta’ Lamichhane għall-gvernijiet u is-setturi soċjali

L-appell ta’ Lamichhane huwa biex il-Gvernijiet, is-setturi soċjali, u l-innovaturi jikkunsidraw li n-nies kollha huma dipendenti fuq xulxin. Qal li minkejja d-diżabilitajiet, in-nies kollha xorta huma bnedmin umani. Saħaq li ħadd ma jistħoqlu deskriminazzjoni fis-seklu 21. Appella lin-nies biex jirrikonoxxu d-differenzi bejn il-persuni u biex jiffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin tan-nies minflok in-nuqqasijiet tagħhom.

Il-kwoti f’Malta

F’Malta bħalissa qamet diskussjoni dwar il-kwoti wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Julia Farrugia Portelli ppreżentat dokument ta’ konsultazzjoni flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat li se jwitti t-triq biex fl-elezzjoni ġenerali li jmiss tal-2022 madwar 40% tal-membri parlamentari jkunu nisa.

Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight qalet li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-dokument ta’ konsultazzjoni li nieda l-Gvern b’rabta ma’ miżuri biex ikun hemm rappreżentanza bilanċjata bejn iż-żewġ sessi fil-parlament. Borg Knight żiedet tgħid li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jifli d-dokument sħiħ biex ikun jista’ jagħti kontribut akbar.