Filmat: S’issa sparaw fuq 150 tajra protetta – Birdlife Malta

BirdLife Malta

BirdLife Malta qalet li sal-lum 152 tajra protetta nstabu minnhom wara sfaw vittmi tal-kaċċatturi. F’filmat il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li dan huwa biss numru żgħir mit-tajr li fil-verità ġew sparati.   Fi stqarrija l-għaqda qalet li dan huwa l-akbar numru ta’ tajr li safa sparat f’dawn l-aħħar seba’ snin.

BirdLife Malta qalet li fl-aħħar 24 siegħa kien hemm ħames tajriet protetti li kienu milquta minn tiri ta’ arma tan-nar. Waħda minn dawn it-tajr instabet maqtula mill-membri tal-pubbliku.

Fil-filmat li tellgħu BirdLife Malta juri ħames tajriet midruba li ġew salvati mill-Għaqda. Il-Kap Eżekuttiv għadda messaġġ lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministri.

Sultana qal li l-liġijiet li saru biex jipproteġu l-għasafar bdew jiddgħajfu u qed jinbidlu biex jipproteġu l-kaċċatur. Sultana appella lill-Gvern biex jieqaf jibża’ minn dawk li qed jiksru l-liġi u jibda jieħu bis-serjetà l-infurzar ta’ dawn il-liġijiet.